L-Istat Iżlamiku ħareġ recording tal-mexxej tiegħu Abu Bakr al-Baghdadi.
Fir-recording instema’ jappella lil ġellieda tiegħu biex ma jċedux u ma jiritiraw mill-postijiet strateġiċi li jinsabu fihom.
Sa issa għadu ma ġiex ikkonfermat jekk il-vuċi fir-recording hiex filfatt tal-mexxej fundamentalista iżda jekk huwa l-każ, dan ikun l-ewwel messaġġ pubbliku tiegħu fi żmien sena.
Baghdadi dejjem żamm ruħu ‘l bogħod mil-lenti tal-midja iżda sentejn ilu deher jiddikjara l-kalifat Iżlamiku minn Moskea ġewwa Mosul.
F’din l-istess belt qed issir offensiva militari mill-forzi Iraqqini biex jieħdu lura t-territorju meħud mill-militanti Iżlamiċi.
Sadanittant jeżistu rapporti li militanti tal-Istat Iżlamiku li nqabdu mill-forzi Iraqqini ġew ittorturati hekk kif is-suldati Iraqqini komplew jieħdu f’idejhom aktar art għas-spejjeż tal-Istat Iżlamiku.