David Nicholas Xuereb ta’ tmienja u erbgħin sena mill-Floriana ntbagħat tmien snin ħabs wara li nstab ħati li stupra mara li riedet ittemm ir-relazzjoni miegħu.
Il-Pulizija bdiet tinvestiga l-każ lura f’Settembru tal-elfejn u sbatax, wara li oħt il-vittma marret l-Għassa tal-Belt tirrapporta li waslulha fuq Facebook filmati ta’ oħtha f’attività sesswali ma’ Xuereb.
Il-filmati, li juru li l-mara kienet skomda tant li f’waqtiet minnhom tidher tinfaqa’ tibki, kienu nġibdu bil-moħbi minn Xuereb qabel kull attività sesswali li kien ikollu mal-vittma fl-uffiċċju tiegħu fil-Belt.
L-ispettur Buhagiar xehdet tgħid li f’wieħed mill-filmati, il-vittma tidher li qiegħda tibki filwaqt li l-akkużat ineżżagħha u jkollu x’jaqsam magħha.
Ġew ippreżentati ukoll bosta messaġġi ta’ theddid li beda jibgħatilha, fejn fost l-oħrajn, l-akkużat qalilha li jekk ried seta’ jirvinaha u li jaf ikun l-iktar raġel selvaġġ fuq wiċċ id-dinja.
Fil-Qorti ġew preżentati ukoll diversi messaġġi li juru kemm il-mara kienet imdejqa, iżda xorta baqgħet tiltaqa’ ma’ Xuereb minħabba t-theddid u r-rikatt tiegħu.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ikkundannat lir-raġel tmien snin ħabs u qalet ukoll li tul iż-żmien li jagħmel il-ħabs, hu mistenni li l-imputat jieħu kull trattament u kura disponibbli biex jagħraf jindirizza l-impulsività tiegħu.