Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qal lin-nies biex ma joqogħdux iġibu l-iskużi biex ma jattendux għall-protesta nhar il-Ħadd li ġej. Minflok insista li għandhom jirranġaw biex imorru.
Hu qal dan f’intervista fuq ir-radju tal-partit tiegħu stess l-Erbgħa waranofsinhar.
“Tiġix tgħidli għax ma tistax, għax għandi xi ħaġ’oħra, irranġa u ejja siegħa, siegħa u nofs magħna.”
Il-Kap Nazzjonalista, Bernard Grech
Dwar din il-protesta, ONE News kien irrapporta kif kien id-Deputat tal-establishment u l-Kap de facto Nazzjonalista Karol Aquilina li ordna lil Grech biex iniżżel in-nies fit-toroq.
U dan proprju fil-jum li jitfakkar it-12-il anniversarju mindu l-Partit Laburista rritorna fil-Gvern fl-2013.
F’intervista ta’ madwar kwarta, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qal hekk…
“Għax dan il-Gvern, anke fil-Parlament, irid jagħlaqlek leħnek.”
Il-Kap Nazzjonalista, Bernard Grech
Dan hu l-istess Kap Nazzjonalista li, flimkien mal-istess Karol Aquilina, fost oħrajn, ma ridux iħallu jitwettaq ix-xogħol Parlamentari u, bl-għajjat u l-insulti tagħhom, saħansitra ċaħħdu lill-Prim Ministru Robert Abela milli jagħmel stqarrija ministerjali dwar is-serqa tal-kannabis minn kontejner fil-barracks tas-suldati f’Ħal Safi.
L-istess Aquilina għajjar ukoll lill-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia.
“Niddubita kemm taħseb inti.”
Id-deputat Nazzjonalista, Karol Aquilina