Dr Jason Azzopardi qal lil studenta tal-liġi tal-ħames sena li jekk din tikkwota minn digriet li llum ingħata fil-Qorti, hu jwaħħalha fl-eżami.
Din l-istudenta hija reġistratur tal-Qorti u Jason Azzopardi għamel dan waqt il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra l-akkużati Robert u Adrian Agius magħrufa bħala l-aħwa tal-Maksar, George Degiorgio magħruf bħala ċ-Ċiniż u Jamie Vella.
Dawn l-erba’ persuni huma mixlija bl-involviment tagħhom fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-Avukat Carmel Chircop.
Il-Qorti tat digriet dwar id-dritt tal-kontro-eżami tal-Parte Civile.
Għal dan id-digriet, l-Avukat u Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal lill-istudenta, li jekk tikkwota minn din id-deċiżjoni tal-Qorti, jwaħħalha fl-eżami.
Huwa saħaq li ma jaqbilx mad-digriet tal-Qorti.
Riżultat ta’ dan l-aġir, il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo ċanfret lil Jason Azzopardi u infurmat lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja b’dan l-aġir.
Azzopardi huwa lettur fl-Università ta’ Malta dwar il-liġi kriminali.
Fil-fatt fl-unika dikjarazzjoni ta’ dħul tiegħu ma’ tat-taxxa, apparti l-onorarja parlamentari ddikjara li qala’ ftit mijiet ta’ ewro mill-Università.
Għall-2019 qal li ma daħħalx flus mill-professjoni legali tiegħu.
Intant, l-Avukat Jason Azzopardi qal li l-kliem tiegħu lejn id-deputat reġistratur intqal b’ċajta u qal li hu qatt ma jkun eżaminatur fil-ħames sena tal-kors tal-liġi.
Huwa skuża ruħu.