L-għada li l-gazzetta Illum żvelat li d-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi ħa kamra mħallsa mill-grupp ta’ Tumas, li kien imexxi Yorgen Fenech, fil-lukanda lussuża Hilton f’Tel Aviv, ma naqqsux l-osservazzjonijiet għal mod kif Azzopardi qed jipprova jiġġustifika l-istorja.
Fuq il-profil tiegħu fuq facebook, Jason Azzopardi prova jiġġustifika l-fatt li ħa kamra mħallsa f’lukanda lussuża fl-Iżrael billi qal li kienet sorpriża għalih li kienet ġiet imħallsa mill-grupp ta’ Tumas, permezz ta’ Ray Fenech.
Fi ftit ħin wara li ġiet żvelata l-istorja, Jason Azzopardi ftakar xi dettalji, anki jekk sa propju ftit jiem qabel, fi programm fuq ix-xandir nazzjonali, Jason Azzopardi qal li ma jiftakarx jekk ħax xi ħaġa mill-grupp li kien hemm involut Yorgen Fenech, is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Azzopardi li jitkaża b’ħaddieħor, dwar l-istorja tiegħu f’Tel Aviv qal li ma setax isib lukanda għal ħamest ‘ijiem fl-Iżrael u sostna li kellu tieġ hemm.
L-argument li Jason Azzopardi ma setax isib post fejn jorqod fil-pajjiż fejn hemm l-Art Imqaddsa u Bethlehem tefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod ma niżlet xejn tajjeb mal-kummentatur politiku Simon Mercieca li saħaq li Azzopardi lanqas kien sejjer f’pajjiż fejn ma hemmx lukandi.
“Li tgħid li ġo Tel Aviv ma stajtx issib lukanda mur għidha, kif jgħidu l-Amerikani lill-marines. Jekk għandhom xi ħaġa tajba l-Lhud, hija li fejn jidħlu l-interessi finanzjarji, huma dejjem kienu u għadhom fuq quddiem. Ara qatt ġo Tel Aviv, l-aktar belt importanti ġewwa Iżrael mhux ser jirnexxilek issib fejn tibbukkja? Qisek qed tgħid li ġej f’Malta u ma sibt booking imkien! Min jaf l-affarijiet jaf li Jason Azzopardi mhux qed jgħid il-verità”, saħaq Simon Mercieca.
Il-ġurnalist Saviour Balzan ukoll għadda osservazzjoni dwar is-saga marbuta ma’ Jason Azzopardi u dak li prova jiġġustifika.
Qal, “Skużi inkun politiku, inċempel għax għandi bżonn immur insib lukanda, issa ma nafx min imur Tel Aviv għal-erba’, ħamest’ ijiem u ma jibbukjax il-lukanda imma nsomma, ma jimpurtax, imma dan mhux l-ewwel każ. Jiena nfurmat li Jason Azzopardi għandu tradizzjoni twila li jitlob in-nies l-affarijiet b’xejn u jekk jgħoġbok ma jisfidanix, għax jiena l-iktar ħaġa importanti li fil-politika ma tippruvax tidher iktar verġni milli int.”
Intant is-Sinjura Marica Azzopardi Balzan, il-mara tad-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qalet li lilha ma ħadhiex miegħu f’Tel Aviv iżda Jason Azzopardi ried imur waħdu biex wara t-tieġ joqgħod fuq il-qabar ta’ Kristu.
F’kitba fuq il-profil tagħha fuq facebook, Azzopardi Balzan qalet li għat-tieġ li Jason Azzopardi qal li kien mistieden għalih, hija kienet mistiedna għaliex l-invit tat-tieġ wasal għandha d-dar.
Dan kien tieġ f’Marzu tal-2017.
It-tieġ kien ta’ tifla ta’ rabbi li Jason Azzopardi sar jaf meta iltaqa’ miegħu meta kien Ministru u kien parti minn delegazzjoni fl-Iżrael.
Spjegat kif żewġha qalilha li ried imur waħdu għat-tieġ għaliex wara t-tieġ kien sejjer Ġerusalem u se jagħmel lejl fuq il-qabar ta’ Kristu.
“Għandu bżonn joqgħod ftit waħdu”, spjegat Azzopardi Balzan dwar dak li kien qalilha żewġha.
Spjegat li meta ġie lura, xi jiem wara skopriet li t-tieġ ma marx waħdu u flok ħa lilha , Jason Azzopardi mar mas-sieħba li għandu bħalissa, li jisimha Flavia Borg Bonaci.
Marica Azzopardi Balzan spjegat li Jason Azzopardi baqa’ magħha d-dar għal kampanja elettorali u wara l-elezzjoni ta’ Ġunju 2017, telaq mid-dar matrimonjali.
Il-mara ta’ Jason Azzopardi spjegat kif f’Ġunju, Jason Azzopardi telaq mid-dar matrimonjali wara li anki kien inqabad li mar Londra ma’ Borg Bonaci.
Dakinhar, skont il-mara li għadha legalment miżżewġa ma’ Dr. Azzopardi, hu kien qalilha li sejjer Londra għax zijuh qed imut.
Qalet li dan spjegatu wara r-rapport fil-midja lbieraħ li fih ġie żvelat kif Jason Azzopardi mar Tel Aviv u kellu kamra f’lukanda lussuża mħallsa mill-grupp ta’ Tumas, li kien imexxi Yorgen Fenech.
“Dan jiena qed ngħidu biex nirrispondi li dawk kollha li l-bieraħ ċempluli u staqsewni jekk kienx l-istess tieġ li ma ħadniex miegħu u ħafna affarijiet oħra”, temmet tgħid Marica Azzopardi Balzan.