Il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Beppe Fenech Adami, qal li għadu ma qabadx kif taħdem is-sistema ta’ liema mistoqsija tiġi l-ewwel fil-lista tal-mistoqsijiet parlamentari.
Din l-istqarrija tikkuntrasta bil-kbir mal-fatt li l-aġenda tas-seduta tal-bieraħ it-Tnejn kienet ilha pubblikata min-nhar il-Ġimgħa waranofsinhar. Kieku Beppe indejna ruħu jaraha kien jintebaħ li l-ewwel mistoqsija kienet tiegħu.
Aktar minn hekk, Beppe Fenech Adami żgur jaf b’liema veloċità appellaw il-Kap u l-Whip tiegħu meta il-ministri għall-Affarijiet Barranin u għat-Trasport riedu jaqraw listi li kellhom fi tweġibiet u riedu li dawn jittieħdu qishom inqraw. L-iskop tagħhom kien li l-ewwel sitt mistoqsijiet ta’ membru parlamentari laburista jfittxu jgħaddu ħalli jinstemgħu dawk imressqa minn MPs tal-Oppożizzjoni.
Meta Fenech Adami għamel mistoqsija supplimentari, il-Ministru Abela qallu li għaliha kien diġa’ wieġeb: “wisq probabbli kont tiela’ t-taraġ” qallu bi tbissima.
Intant, il-mistoqsija oriġinali tiegħu lill-Ministru għall-Intern kienet dwar jekk il-politika tal-Korp tal-Pulizija li applikanti jiġu esklużi milli jiġu aċċettati peress li jkollhom it-tpinġija, tapplikax wkoll għal min jiġi re-instated fil-Korp tal-Pulizija wara li jkun intlaqgħu l-ilmenti mill-Grievance Board?
Il-Ministru Abela spjega li applikazzjonijiet minn kandidati li jkollhom fuq il-persuna tagħhom tatwaġġi u/jew body piercing eċċessiv ma jiġux ikkunsidrati. Applikanti li jkollhom tpinġija oħra jiġu kkunsidrati skont il-każ”.
Madankollu, żied li ma hemmx policy rigward ir-re-instatements u d-deċiżjonijiet li ttieħdu mill-Grievances Unit, fejn jikkonċerna t-tpinġija.