Quddiem il-fatt li biex negozju jgawdi mit-tnaqqis fit-taxxa li jrid Bernard Grech, se jdaħħlek f’iżjed spejjeż milli fil-fatt se tiffranka, waqt il-programm XTRA ma’ Saviour Balzan fuq ix-xandir nazzjonali, ġew innutati l-ispejjeż ta’ aktar minn mija u ħamsin elf ewro fis-sena għal kull negozju biex ikun konformi mat-terms & conditions ta’ Bernard Grech.
Iżda għal Bernard Grech dawn it-terms & conditions bl-isem ta’ ESG, mhumiex piż, anki jekk rapport tal-Kummissjoni Ewropea juri dan bil-fatti.
“Għalija mhux piż l-ESG.”
Saviour Balzan staqsa lil Grech ukoll dwar il-proposta li tirrigwarda l-kirjiet ta’ qabel l-elf, disa’ mija, ħamsa u disgħin fejn il-Partit Nazzjonalista b’mod ċar jgħid li ser itemm l-għajnuna tiegħu wara l-perjodu ta’ tliet snin u jħalli madwar għaxart elef familja f’sitwazzjoni prekarja.
Il-preżentatur innota t-tgerfix fil-manifest tal-Partit Nazzjonalista, b’Bernard Grech iwaħħal fil-ġurnalisti u n-nies li mhux jifhmuh.
Savior Balzan: “Jista’ jkun li l-proposti tagħkom mhux biss f’dan ir-rigward iżda rigward affarijiet oħra mhumiex spjegati sew fil-programm elettorali tagħkom? Jew ikun hemm misinterpretazzjoni tagħhom?”
Bernard Grech: “Jista’ jkun hemm, jista’ forsi wieħed jispjegaha aħjar jew jiktibha aħjar però żgur li hemm misinterpretazzjoni.”
Intant, meta mistoqsi jekk l-iżviluppaturi jagħtux donazzjonijiet lill-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech qal li ma jżommx rendikont.
Saviour Balzan: “Jiġifieri inti l-iżviluppaturi li jagħtu l-flus lill-Partit Nazzjonalista ma tafx min huma? M’għandhekx idea min huma?”
Bernard Grech: “Jien ma noqgħodx inżomm rendikont jien.”
Fl-aħħarnett il-ġurnalist t’esperjenza rrimarka dwar min hu potenzjalment il-Ministru għall-Finanzi fil-Gvern ta’ Bernard Grech, anki f’kuntest li Mario de Marco kważi ma deher imkien.
Hawn Bernard Grech qal għall-inqas De Marco ħiereġ għall-elezzjoni wara li fl-ewwel jum tal-kampanja elettorali rtirawlu f’daqqa erba’ Deputati Nazzjonalisti.
Saviour Balzan: “In-nies iridu jkollhom xi forma ta’ garanzija meta jivvutaw għal Partit jew għal persuna. Naħseb persuna importanti li kieku tkun fil-Gvern ikun il-Ministru tal-Finanzi. Il-Ministru tal-Finanzi huwa persuna li mhux l-id il-leminija tal-PM imma wkoll il-persuna li jfassal il-politika finanzjarja. Bl-assenza ta’ Claudio Grech li ma ħariġx għall-elezzjoni, bl-assenza ta’ nies bħal Mario de Marco li ma jidher kważi mkien. Għall-argument tkun il-Ministru għall-Finanzi fis-26 ta’ Marzu, min se jkun il-Ministru għall-Finanzi tiegħek?”
Bernard Grech: “Mela l-ewwel ħaġa Mario de Marco qiegħed fuq il-polza xorta waħda.”