In-neputi ta’ Mabel Strickland, li kienet il-fundatriċi u l-ewwel editur tat-Times, qed jisħaq li b’mod persistenti kien hemm min ħallih barra milli jipparteċipa fil-grupp tat-Times jew fil-Fondazzjoni Strickland.
Din il-fondazzjoni hija x-shareholder ewlieni tal-Allied Newspapers, il-kumpanija responsabbli mill-pubblikazzjoni tal-gazzetta The Times.
Wieħed mill-membri tal-Kunsill tal-fondazzjoni msemmija huwa d-Deputat Nazzjonalista Mario De Marco.
In-neputi ta’ Mabel Strickland, Robert Hornyold-Strickland ġie rrappurtat jgħid mal-Lovinmalta li hu tħalla barra mill-attivitajiet ta’ Allied Newspapers, il-grupp li dwaru hemm allegazzjonijiet serji ta’ frodi, saħansitra anki mill-Malta Enterprise.
Hu staqsa lilu nnifsu jekk ir-raġuni ewlenija għal dan kienx għaliex hu rċieva taħriġ fir-Renju Unit bħala accountant forensiku.
Dan it-tip ta’ accountant ġeneralment janalizza fil-fond materji kumplessi marbuta man-negozju u s-settur finanzjarju.
B’rabta mal-allegazzjonijiet serji fil-kumpanija tat-Times, Strickland saħaq li kulħadd għandu jġorr ir-responsabiltà, inkluż id-deputat Nazzjonalista Mario De Marco, li huwa membru fil-Kunsill tal-Fondazzjoni Strickland.
Robert Hornyold-Strickland żied jgħid li jekk l-allegazzjonijiet serji jiġu provati, il-membri tal-bord tad-diretturi ta’ Allied Newspapers għandhom jirriżenjaw u anki l-membri tal-Kunsill tal-Fondazzjoni Strickland, li kienu huma li ħatru lil Adrian Hillman bħala Direttur Maniġerjali ta’ Allied Newspapers tat-Times.
Rapporti qed jgħidu li Hillman jista’ jkun jiġi estradit lejn Malta mir-Renju Unit biex jaffaċċja akkużi kriminali dwar allegazzjonijiet fuq frodi u ħasil ta’ flus fost oħrajn li jmorru lura anki għal tlettax-il sena ilu.
Fil-fatt saru numru ta’ allegazzjonijiet dwar l-operat tal-kumpanija tat-Times u r-relazzjoni tul is-snin bejn it-tmexxija tal-kumpanija u negozji oħra, partikolarment Adrian Hillman u Keith Schembri.
Fil-Qorti, apparti Keith Schembri hemm ukoll akkużat Vincent Buhagiar, dak li kien Direttur Maniġerjali tal-kumpanija responsabbli mill-pubblikazzjoni tat-Times, qabel Hillman.
Rapporti saħqu wkoll li l-inkjesta Maġisterjali li investigat u wasslet għall-prosekuzzjoni ta’ diversi persuni, talbet ukoll biex Michel Rizzo jiġi investigat.
Rizzo huwa d-Direttur Maniġerjali preżenti ta’ Allied Newspapers.
In-neputi ta’ Strickland qal ukoll li quddiem dan kollu li ġara kieku zitu, Mabel Strickland, qed titqalleb fil-qabar.