Bernard Grech ħareġ jgħid li ser jonfoq flus minn setturi ekonomiċi ġodda fl-istess jum li kkonferma li ser jiddejjen nofs biljun ewro għalihom.
F’attività politika fil-Belt Bernard Grech reħielha jmaqdar lil Gvern.
Dan għalkemm id-dejn nazzjonali fi żmien fejn id-dinja ħierġa mill-pandemija huwa bil-wisq inqas mill-medja Ewropea u għaxra fil-mija inqas minn żmien GONZIPN fi kriżi globali ferm inqas mill-pandemija.
Iżda fl-istess nifs Bernard Grech reħielha jiftaħar li jekk ikun Prim Ministru ser jonfoq il-flus li skontu ser idaħħal permezz tal-proposta tiegħu.
Il-Kap Nazzjonalista tenna, “Nonfqu l-flus imma dawk il-flus ser inkunu qiegħdin inġibuhom minn pilastri ekonomiċi li ser inkunu qegħdin nibnu.”
Madankollu, fl-istess jum f’konferenza tal-aħbarijiet huwa kkonferma li din l-ewwel proposta tiegħu f’kampanja elettorali tfisser piż ta’ nofs biljun ewro dejn għal pajjiżna.
Colin Deguara: “Minn dan il-biljun ewro li semmejt, qiegħed nifhem sew li nofsu huwa għotja u nofsu diġa sar dejn?”
Bernard Grech: “Aħna qed ngħidu li għandek l-opportunità li tittapja fuq fondi fejn dawk il-fondi tkun tista’ tissellifhom.”
Wara li Bernard Grech qabbel l-ekonomija Maltija ma’ logħba Monopoly u qagħad jirrakkonta dwar il-programmi li kien iħobb jara fuq l-istazzjonijiet Taljani, issa qagħad jirrakkonta kif kien joqgħod jilgħab noli wara l-knisja.
Grech qal, “Persuna daqsi fl-età, min jaf kemm lgħabna noli fil-pjazza ta’ wara l-knisja Birżebbuġa meta konna tfal. U qaltli, ovjament qaltli isimha etc.”