Raġel li saq karozza fuq il-bankira f’Times Square fi New York, u qatel persuna u weġġa’ tnejn u għoxrin oħra, qal li sema’ ilħna.
Richard Rojas, li għandu sitta u għoxrin sena u huwa veteran navali Amerikan, jinsab fil-kustodja tal-pulizija. Fil-passat kien arrestat darbtejn talli saq waqt li kien xurban. Sorsi tal-infurzar tal-liġi qalu lill-Associated Press li Rojas qal li kien qed jistenna li se jmut.
Dan filwaqt li skont Reuters, wara li kien arrestat, l-aggressur qal li l-uffiċjali suppost kellhom jisparawlu u ried li huma joqtluh. Rojas qed ikun akkużat bi qtil mhux ippjanat, qtil aggravat bl-użu ta’ vettura u attentat ta’ qtil.