In-neputi ta’ Mabel Strickland saħaq li hu qatt ma tħalla jara r-rapport tal-inkjesta interna li saret mill-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello wara li tqabbad mill-kumpanija tat-Times fuq numru t’allegazzjonijiet marbuta mal-operat fi żmien Adrian Hillman.
Robert Hornyold-Strickland, li jsostni li hu l-eredi ta’ zitu Mabel Strickland, l-ewwel editur u fundatriċi tat-Times, sostna li hu qatt ma ra r-rapport ta’ inkjesta.
“Dan huwa skandlu”, sostna Strickland.
L-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello, li kien tqabbad biex jagħmel rapport ta’ inkjesta interna, qal li dwar dan ir-rapport jinsab marbut b’kunfidenzjalità.
Dan ir-rapport kien intalab f’perjodu li saru numru ta’ allegazzjonijiet dwar l-operat tal-kumpanija u r-relazzjoni tul is-snin bejn it-tmexxija tal-kumpanija u negozji oħra, partikolarment bejn Adrian Hillman u Keith Schembri.
Meta sar magħruf li numru ta’ persuni kienu se jitressqu l-Qorti mixlija b’tixħim, korruzzjoni, frodi u ħasil ta’ flus fost l-oħrajn l-Imħallef Bonello qal, “Dik investigazzjoni privata għal kumpanija private, għandi l-obbligu tal-kunfidenzjalità.”
Eventwalment l-Imħallef Giovanni Bonello kien maħtur chairperson tal-Fondazzjoni Strickland, ix-shareholder ewlieni ta’ Allied Newspapers, il-kumpanija responsabbli mill-pubblikazzjoni tal-gazzetta The Times.
Bonello għadu sal-lum jokkupa din il-kariga fil-kunsill tal-Fondazzjoni li fih hemm ukoll Mario De Marco.
Dan il-kunsill kien ħatar lil Adrian Hillman bħala Direttur Maniġerjali tal-Allied.
Rapporti fil-midja qalu li Adrian Hillman mistenni jkun estradit lejn Malta mir-Renju Unit biex hu wkoll jaffaċja akkużi b’rabta mal-investigazzjoni dwar allegat korruzzjoni fit-Times.
Dan apparti li dak li kien Direttur Maniġerjali tal-Allied qabel Hillman, jiġifieri Vince Buhagiar qed jaffaċċja akkużi kriminali fil-Qorti flimkien ma’ oħrajn, fosthom Keith Schembri.
Rapporti oħra fil-midja qed isostnu wkoll li inkjesta Maġisterjali talbet ukoll li jiġi investigat id-Direttur Maniġerjali tal-kumpanija tat-Times preżenti, Michel Rizzo.
Intant Robert Hornyold-Strickland ġie rrappurtat jgħid mal-Lovinmalta li hu tħalla barra mill-attivitajiet ta’ Allied Newspapers, il-grupp li dwaru hemm allegazzjonijiet serji ta’ frodi, saħansitra anki mill-Malta Enterprise.
Hu staqsa lilu nnifsu jekk ir-raġuni ewlenija għal dan kienx għaliex hu rċieva taħriġ fir-Renju Unit bħala accountant forensiku.
Dan it-tip ta’ accountant ġeneralment janalizza fil-fond materji kumplessi marbuta man-negozju u s-settur finanzjarju.
B’rabta mal-allegazzjonijiet serji fil-kumpanija tat-Times, Strickland saħaq li kulħadd għandu jġorr ir-responsabiltà, inkluż id-deputat Nazzjonalista Mario De Marco, li huwa membru fil-Kunsill tal-Fondazzjoni Strickland.
Robert Hornyold-Strickland żied jgħid li jekk l-allegazzjonijiet serji jiġu provati, il-membri tal-bord tad-diretturi ta’ Allied Newspapers għandhom jirriżenjaw u anki l-membri tal-Kunsill tal-Fondazzjoni Strickland, li kienu huma li ħatru lil Adrian Hillman bħala Direttur Maniġerjali ta’ Allied Newspapers tat-Times.