Andrew Mangion, akkużat bil-qtil ta’ Eleanor Mangion Walker, qal li żewġt’irġiel armati qatlu lil martu quddiemu meta kienet ħierġa mill-garaxx fis-Swieqi.
Mangion, li għandu 40 sena, qed iwieġeb mhux ħati li qatel lill-mara, li l-ġisem bla ħajja tagħha nstab f’maħżen f’Ħal Qormi fi 3 ta’ Lulju. Kien l-ispettur Keith Arnaud li xehed quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke kif Mangion talab lil zijuh biex iġorru l-ġisem mejjet, b’dan tal-aħħar imur jirrapporta lill-pulizija.
Intqal li tul l-investigazzjoni nstabu traċċi tad-demm tal-mara fil-garaxx tar-raġel fis-Swieqi u anke fil-vann Hyundai tal-akkużat. Arnaud rrakkonta kif wara li l-akkużat ta ruħu b’idejh ittieħed Mater Dei għal testijiet fejn qal li aħjar wettaq suwiċidju biex konsegwenza ta’ hekk kien riferu għal Mount Carmel.
Wara jiem kien interrogat. Hawn kien spjegat kif kien analizzat il-filmat ta’ CCTV .
Imbagħad beda r-rakkont ta’ Mangion. Qal li meta martu ħarġet mill-garaxx inħatfet minn żewġ irġiel, li reġgħu daħħluha ġewwa. Skon hu, wieħed minnhom ta daqqiet b’injama u qatilha.
Żied li beża’ li se jeħel hu b’li seħħ, għax l-irġiel ħarbu u għalhekk għalaq il-bieb tal-garaxx u prova jneħħi l-evidenza ta’ li ġara. Fost oħrajn billi tefa l-ġisem ġo baskett u ġarru sa Ħal Qormi. Jidher li l-akkużat ikkunsidra wkoll li jaħraq il-ġisem. L-Ispettur Arnaud qal li r-raġel qatt ma wieġbu meta mistoqsi għaliex ħaseb li se jeħel hu, filwaqt li nnota kif fl-ebda ħin ma talab l-għajnuna tal-pulizija.