Faical Mahouachi li f’Jannar li għadda, f’ġuri ma nstabx ħati bil-qtil ta’ Sion Grech lura fl-2005 fetaħ kawża dwar ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu.
Il-kawża fetaħha kontra l-istat.
Mahouachi kien qatta’ għaxar snin il-ħabs għaliex ma kienx jaffordja jħallas €5,000 biex joħroġ fuq bail.
Il-kawża infetħet quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili sede Kostituzzjonali mill-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Francesca Zarb hekk kif kif Mahouachi qed jgħid li nkisrulu d-dritt tal-libertà u sigurtà u d-dritt għal smigħ xieraq fi żmien adegwat.
Il-każ ġie assenjat lill-Imħallef Toni Abela u se jibda jinstema’ s-sena d-dieħla.
Sion Grech mietet f’April tal-2005 wara li ngħatat sbatax-il daqqa ta’ sikkina f’għonqa u sidirha. Il-ġisem tagħha nstab f’għalqa fil-Marsa wara li ġie rrappurtat nieqes.