Angelo Zahra, attivist tal-Partit Laburista għal ħafna snin, kiteb fuq is-sit soċjali facebook li x-xewqa tal-Perit Duminku Mintoff kienet li jindifen taħt il-Monument tal-Ħelsien. Qal li dan id-dettal kien tahulu l-eks Ministru Lorry Sant fi żmien li kien qed jinbena l-istess monument.
Zahra kiteb hekk:
“Nistqarr li il-31 ta’ Marzu, Jum il-Ħelsien huwa l-aktar jum li nħobb u li jġibli nostalġija kbira. Barra li dak iż-żmien kont membru tal-Esekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista, kif ukoll Assistent Segretarju Internazzjonali, membru wkoll tal-Kunsill Nazzjonali tal-General Workers Union nirrappreżenta lill-Partit Laburista, kont ukoll il-Kap tal-Garaxx tal-Gvern kif kien maghruf dak iż-żmien. Kont qrib ħafna il-mibki Ministru Lorry Sant li fost xogħol kbir ieħor kien inkargat biex jibni il-mafkar ta’ din l-okkazjoni – L-Għolja tal-Helsien – li flimkien miegħu kont immur kulljum naraw il-progress tax-xogħol. Meta kien qed jinbena kont staqsejtu dik il-kamra żgħira taħt l-għolja għalfejn qed issir, u għalkemm ma qallix mal-ewwel qalli li dik irida il-perit għax meta jmut irid li jindifen hemm. Id-destin ried li Lorry Sant miet qabel il-Perit Mintoff u din ix-xewqa ma saritx.
Tajjeb li issa li miet il-fdalijiet tiegħu jiġu ittrasportati hemm, bħala li huwa kien l-arkitett biex Malta saret ħielsa. Kont immur miegħu ukoll ir-Rabat l-Isptar Santu Spirtu u niltaqgħu mal-mibki skultur Anton Agius fejn kien qed jagħmel l-abbozz ta’ l-istatwi li hemm illum fuq l-għolja tal-Ħelsien. Niftakar ukoll meta ġew l-istatwi tal-bronż mill-Italja u kif flimkien mal-ħaddiema tiegħi ħriġnihom mill-kaxxi fejn kienu ippakkjati u wara poġġejnihom f’posthom fuq l-Għolja tal-Ħelsien. Fl’aħħarnett niftakar f’dik il-ġurnata glorjuża fiċ-ċerimonja li saret quddiem din l-Għolja tal-Ħelsien. Flimkien ma marti konna hemm preżenti f’ġurnata ta kesħa meta f’nofs il-lejl bejn it-30 u l-31 ta’ Marzu 1979 tniżżlet il-bandiera Ingliza u telgħet flokha il-bandiera Maltija biex ma tinżel qatt fost l-isparar tal-kaxxa infernali. Xena li ma ninsiha qatt. Kburi li għal dan l-avveniment storiku kont parti u li tajt sehemi biex pajjiżi illum jinsab ħieles mill-ħakma tal-barrani, dak iż-żmien immexxi mill-mibki Dom Mintoff u illum mill-bravu Joseph Muscat li qed imexxi dil-Gżira b’kapaċita kbira. VIVA MALTA ĦIELSA. Nostalġija li ma ninsiha qatt.”