Denilson Manicaro ta’ wieħed u għoxrin sena baqa’ jinżamm arrestat wara li ttella’ l-Qorti mixli li fil-wieħed u għoxrin ta’ Diċembru li għadda, għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu, ta n-nar lil karozza pparkjata f’Ħal Tarxien.
Fil-Qorti nstema’ kif fuq dan ir-reat kienet infetħet inkjesta u minnha rriżulta li l-karozza li nħarqet kienet ta’ membru tal-korp tal-Pulizija u kif dan ir-reat seta’ jidher min kameras tas-sigurtà li kienu viċin.
Ġie spjegat li minn dawn il-kameras raġel deher li sofra xi ħruq f’idejh meta mar biex iqabbad il-vettura b’lighter.
Il-Pulizija komplew isegwu lir-raġel minn diversi kameras tas-sigurtà fejn dan deher jidħol f’vettura tat-tip Volkswagen Polo li kellha bosta karatteristiċi partikolari.
Din l-informazzjoni għenet sabiex jiġi iddentifikat is-sid tal-karozza li allegatament kien Denilson Manicaro.
Minn hemm hu ġie arrestat u fi ħwejġu nstabet iċ-ċavetta tal-karozza li deeret fir-reat u fiha, l-Pulizija sabet madwar tnax-il gramma kokaina fi qratas.
Fl-interrogazzjoni tal-Pulizija, l-imputat ammetta li hu ħaraq il-vettura, u l-pulizija nnutat ukoll ħruq ma’ idu simili għall-ħruq li sofra r-raġel li deher fuq il-kameras tas-sigurtà.
Manicaro ċaħad li ried jaħraq karozza tal-pulizija iżda rrifjuta jgħid ta’ min ried jaħraq.