Wara li Bernard Grech ħabbar tibdiliet fix-shadow cabinet tiegħu u b’hekk ikkonferma kif l-aħħar kelma fid-Dar Ċentrali hija dik tal-establishment, il-Kap Nazzjonalista qal li ma jċedi għall-ebda pressjoni.
Huwa qal dan mal-mikrofonu ta’ ONE News hu u ħiereġ mill-Istamperija wara li tħabbru b’mod uffiċċjali t-tibdiliet fix-shadow cabinet tiegħu.
Qal, “Ma nċedi għall-ebda pressjoni.”
Il-Kap Nazzjonalista qal dan hekk kif kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti li tul il-jum spikka n-nuqqas tagħhom, partikolarment dawk tal-midja indipendenti.
Fil-fatt, ONE News li kien preżenti wkoll minn sbieħ il-jum minn quddiem id-Dar Ċentrali jista’ jikkonferma n-nuqqas ta’ preżenza tal-midja indipendenti biex jirrapportaw dan l-iżvilupp importanti fil-Partit Nazzjonalista.
Din mhux l-ewwel darba l-midja indipendenti injorat żviluppi importanti fil-Partit Nazzjonalista. Istanza oħra kienet il-konferenza tal-aħbarijiet ta’ Bernard Grech wara li temm id-diskors tiegħu fir-replika għall-Budget 2024.
Intant, hekk kif kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet ta’ dan l-istazzjon partikolarment dawk marbuta mal-kontroll li għandu l-estbalishment Nazzjonalista b’rabta mat-teħid tad-deċiżjonijiet fid-Dar Ċentrali, Bernard Grech akkuża lil dan l-istazzjoni bi stejjer fantażjużi.
Qal, “Anki stejjer fantażjużi.”
Madankollu hekk kif Grech akkuża lil dan l-istazzjoni bi stejjet fatażjużi, kien propju ONE News li żvela kull dettall b’mod korrett b’rabta mat-tibdiliet li nvolva dan ix-shadow cabinet.
Kien propju l-Ġimgħa filgħaxija li ONE News irrapporta b’mod esklussiv li s-Sibt il-Kap kien se jħabbar tibdiliet fix-Shadow Cabinet tiegħu. Dan filwaqt li tul il-jum ONE News żvela kull ċaqlieqa fix-shadow cabinet qabel ħarġet l-istqarrija uffiċċjali tal-Partit Nazzjonalista.
Stqarrija li kkonfermat dak kollu li rrapporta ONE News.