L-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil saħaq li l-Gvern li kiseb l-akbar mandat elettorali fl-istorja mill-Indipendenza ‘l hawn għandu jirriżenja.
Busuttil qal dan waqt intervista fuq l-istazzjon nazzjonali.
Quddiem il-fatt li ħdax-il persuna tressqu l-Qorti biex jaffaċċjaw il-ġustizzja, Simon Busuttil qal li l-Gvern għandu jirriżenja.
Huwa stqarr: “Inti ma kontx tistenna li jitressaq Keith Schembri, Chief of Staff tal-Prim Ministru fl-20 ta’ Marzu messa wasslet għar-riżenja tal-Gvern Malti.”
Quddiem din id-dikjarazzjoni l-Preżentatur fakkru f’episodju taħt Gvern Nazzjonalista: “Bl-istess argument tiegħek meta ħareġ l-istess il-famuż skandlu taż-żejt, skandlu enormi fi żmien Gvern Nazzjonalista kellu jirriżenja l-Gvern Nazzjonalista kollu? Ma għamilhiex e.”
Busuttil wieġeb: “L-ewwel nett konnha viċin ħafna ta’ elezzjoni.”
Kien hawn fejn Simon Busuttil sostna li qed jheżżeż il-pedestall tal-Laburisti: “Jiena qisni qiegħed nheżżeż l-pedestall tagħhom.”
Meta kien mistoqsi: “Tweġġagħhom inti ħafna?”
Busuttil wieġeb: “Iva.”
Rigward dan il-Gvern, Simon Busuttil ma qatax minn negattività tiegħu u sostna li l-aħħar żviluppi ma sarux għax ħadmu l-istituzzjonijiet.
Huwa tenna: “Mhux għax ħadem il-Gvern, mhux għax ried Robert Abela, mhux għax ħadmu l-istituzzjonijiet.”
Għal din id-dikjarazzjoni l-Preżentatur sostna kif dan mhux minnu hekk kif ma jistax ikun li l-istituzzjonijiet mhux qed jaħdmu għax fil-fatt qed jitressqu l-persuni quddiem il-ġustizzja iżda Simon Busuttil ried jibqa’ jgħid tiegħu.
Meta kien mistoqsi: “Imma kif tista’ tgħid li l-istituzzjonijiet mhux qed jaħdmu, rajniehom aħna l-ġustizzja qed issir. Ma tistax tgħid li l-istituzzjonijiet mhux qed jaħdmu, kieku mhux jaħdmu mhux qed jitressqu?”
Busuttil wieġeb:“Le ma naqbel assolutament xejn.”
Meta l-Preżentatur reġa’ staqsieh: “Għadek temmen li mhux qed jaħdmu?”
Busuttil qal: “Bla dubju.”
Mistoqsi wkoll dwar id-double standards tiegħu, Simon Busuttil qal li għandu kull dritt ma jaqbilx u jgħid li jaqbel lilu: “Jiġifieri meta l-inkjesti bħal fil-każ ta’ dawn l-arresti li seħħu, il-konklużjonijiet tagħhom kienu joġbuk temminha l-Maġistrat, temmen il-proċess ġudizzjarju, imma meta l-inkjesta ta’ Egrant ma oġbitekx qed tgħid le le ta’hemm xi prova li għadna ma rajnihiex. Din għadna rridu naraw ta’ min hi.”
Busuttil sostna: “Imma skużi ta’ jien għandi kull dritt ngħid fejn naqbel u ma naqbilx.”
Intant Simon Busuttil kompla fejn ħalla waqt intervista oħra mas-sit Lovin Malta, fejn kien qal li r-rebħa mandat b’saħħtu tal-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali tal-2017, kienet imbagħbsa.
Fuq l-istazzjon nazzjonali, Simon Busuttil kompla ma’ dak li qal ftit tal-jiem ilu meta ddikjara li erba’ snin ilu, il-Partit Laburista rebaħ elezzjoni imbagħbsa.
Issa Busuttil qal li l-Partit Laburista xtara l-voti fl-elezzjoni li tilef hu.
Huwa saħaq: “Tant xtraw voti Mark, li ma kinitx elezzjoni fair għaliex inti trid tikkompeti ma’ xi ħadd fil-Gvern li qed jixtri voti bl-addoċċ. Il-playing field mhijiex level, mhijiex ġusta. Qisu inti qed tilgħab kontra tim logħba futbol imma t-tim ta’ kontrik għandu r-referee mixtri u l-pitch flok qiegħed ċatt, qiegħed għat-telgħa.”
Waqt l-intervista Simon Busuttil semma fost l-iktar deputati favoriti tiegħu u li issa jinsabu mdawra ma’ Bernard Grech.
Huwa tenna: “Jien naf jiġini f’moħħi Jason Azzopardi, il-ħin kollu jattakkawh, jien nammira lil nies bħal Roberta Metsola u David Casa li għandhom il-kuraġġ jiddefendu lilna. Dawk jiddefendu lilna qegħdin.”
Il-Preżentatur irrimarkalu wkoll l-atteġjament negattiv tiegħu iżda Busuttil spiċċa kif beda, b’ton negattiv fejn ma jġerraħx is-suċċess:“Nimmaġina li jkun hemm ħafna nies bħalissa jkunu qed jisimgħuk titkellem u jgħidu imma qed tara Simon dejjem jitkellem fuq l-affarijiet il-ħżiena u kemm hu negattiv, imma kif qatt ma jitkellem fuq l-affarijiet is-sbieħ li għamel Gvern Laburista u vera. Qisek dejjem titkellem fuq dak li hu ikrah biss. Ma tirrikonoxxix li hemm ħafna affarijiet sbieħ.”
Busuttil sostna: “Diffiċli titkellem fuq affarijiet tajbin.”