Bernard Grech stqarr li hu l-aħjar persuna li tista’ tieħu ħsieb flus il-poplu.
Filwaqt li fl-elezzjoni ġenerali li jmiss il-poplu Malti u Għawdxi ser ikun qed jagħżel f’idejn min irid jafda t-tmexxija tal-pajjiż, jekk hux f’idejn il-Prim Ministru Robert Abela jew f’idejn Bernard Grech, fil-programm XTRA ma’ Saviour Balzan, Grech spiċċa jgħid li l-poplu mhux se jivvota dwaru.
“Din l-elezzjoni mhix dwar Bernard Grech imma dwar il-pajjiż.”
B’sens ta’ arja u superjorità Bernard Grech stqarr li l-poplu Malti jrid jagħżel lilu u lill-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.
“Għalhekk il-poplu Malti jrid jagħżel il-Partit Nazzjonalista, għalhekk irid jagħżel lili.”
Id-diskors dar ukoll fuq l-elezzjoni ġenerali tal-2017 u hawnhekk għamel bħal Simon Busuttil u qal li fl-2017 il-poplu Malti u Għawdxi żbalja bil-vot tiegħu.
“Kien qiegħed javża lill-poplu Malti li jekk ser jerġa’ jagħżel lill-Partit Laburista ser ikollna l-inkwiet.”
Dwar il-finanzi tal-pajjiż, Bernard Grech stqarr li għandu l-aqwa kredenzjali biex jieħu ħsieb flus il-poplu għaliex skontu kull sold li jkollu f’idu joqgħod attent ħafna kif jerħieh.
“Jiena f’ħajti kull sold li daħħalt qgħadt attent ħafna kif nużah.”
Fost dawn is-soldi hemm il-flejjes li daħħal mill-klijenti tiegħu bħala flus tal-VAT u li dawn Grech baqa’ ma ħallashomx għal snin twal.
Kien biss meta daħħalha f’moħħu li jidħol fil-politika li Bernard Grech kien ħallas l-eluf dovuti fi ħlas ta’ VAT u Taxxa.
Fil-programm huwa kompla jgħid kif jekk ikun fdat bit-tmexxija tal-pajjiż huwa jassumi l-irwol ta’ missier li jieħu ħsieb il-flus ta’ uliedu.
“Jekk il-poplu jagħtini fiduċja, bħal dawk il-ġenituri li jieħdu ħsieb il-finanzi tal-familja, tajjeb, dawk il-flus jintefqu bil-għaqal. Dik hija l-garanzija li nagħti.”
Iżda f’intervista fuq il-Fosos Bernard Grech diġà kien ammetta li bħala missier huwa tefa’ l-piż tal-pendenzi tat-taxxi tiegħu fuq ibnu.
Colin Deguara: “Minn fejn ġibthom il-flus?”
Bernard Grech: “Familja hi, għandi t-tifel jaħdem ukoll u għeni xi ftit.”
Bernard Grech spiċċa mbagħad jgħid li tiegħu u tal-Partit Nazzjonalista biss tajjeb.
Bernard Grech: “Kien Gvern Nazzjonalista li f’dan il-pajjiż daħħal diversi pilastri ekonomiċi ġodda. Il-labour f’dawn l-aħħar għaxar snin ma ġab l-ebda settur ekonomiku ġdid.”
Savior Balzan: “Naħseb tkunu qed tagħmlu żball jekk tgħid li n-nies f’dawn l-aħħar tminn snin ma marrux aħjar finanzjarjament. Ma tistax tgħid li ekonomikament dan il-Gvern m’għamel xejn.”
Quddiem il-pakkett ta’ għajnuna ta’ sebgħin miljun ewro t’investiment fin-nies, Grech kompla jattakka bħan-nies tiegħu, li sejħu l-għajnuna bħala soppa msaħħna.
“Dan il-Gvern huwa Gvern ħalliel.”
F’xi mumenti anki beda jgħolli leħnu u jgħid li kollox bis-saħħa tiegħu u mindu sar Kap hu tal-Partit Nazzjonalista.
“F’dawn l-aħħar għaxar snin, mhux issa beda jitkellem fuq l-ambjent malli sirt kap jien. Ejja ngħidu l-affarijiet kif inhuma Savior.”
Tul l-intervista Bernard Grech kompla fil-vena li qabad li jwiegħed kollox lil kulħadd, iżda kif dejjem għamel, inqaras kif kien mistoqsi dwar id-dettalji u l-costings.
Fost l-oħrajn baqa’ ma riedx iwieġeb dwar kemm ser jiġu jiswew lin-nies, il-wegħdiet li qiegħed jagħmel.
Savior Balzan: “Imma dal-flus kollha..”
Bernard Grech: “Imma issa tmurlix fuq il-flus.. tini ċans.”