Raġel deskritt li jbati minn problemi serji ta’ saħħa mentali, se jinżamm taħt arrest preventiv fl-Isptar Monte Karmeli wara li ġie akkużat li kiser il-libertà proviżorja meta ħareġ f’ħin li suppost kien ġewwa biex imur għal appuntament ta’ saħħa mentali.
Ir-raġel, li kien inħeles mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet dwar akkużi ta’ vjolenza domestika, kien fi triqtu lejn l-Isptar Monte Karmeli fis-sigħat li suppost kien id-dar bħala parti mill-kundizzjoniijiet imposti fuqu mill-Qorti, meta ġie mwaqqaf waqt roadblock tal-Pulizija.
Huwa ġie arrestat fuq il-post u akkużat li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.
L-avukati difensuri qalu li l-problemi ta’ saħħa mentali tar-raġel huma evidenti, u l-akkużat kien għadu bil-karta tal-appuntament ta’ Monte Karmeli f’idejh sa dalgħodu meta kien preżenti fl-awla.
Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Ir-raġel ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest, iżda l-Qorti laqgħet it-talba tad-difiża li jinżamm fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Karmeli.