Hackers, spam, accounts foloz, filmati li jekk tagħfas fuqhom jirriżultalek virus fil-computer – kollha ċirkostanzi li mdorrija narawhom fuq siti soċjali bħal Facebook.
Iżda friend request partikolari kienet dik ta’ xi ħadd li qal li huwa d-deputat Laburista Charles Mangion. Mingħajr ma konna nafu li dan kien account falz, aċċettajna l-istedina, u bdiet diskursata.
Mal-ewwel ftit skambji ntbaħna li kienet xi forma ta’ skema ta’ qerq, iżda bil-kurżità tgħelibna, bqajna f’konverżazzjoni ma’ ‘Charles’.
Dan ‘Charles’ qalilna li hu rebaħ $60,000,00 u li ra isimna wkoll bħala wieħed mir-rebbieħa. Staqsiena jekk irċvejeniex il-flus, u meta weġibna li ma rċevejna ebda somma, stedinna nagħmlu ħbieb ma’ ċertu Caballes Dennis, li fid-deskrizzjoni tiegħu jgħid li jaħdem man-Nazzjonijiet Magħquda, li kien għalliem u li kien jaħdem mal-linja tal-ajru tal-Hawaii.
Jiem wara, l-account falz bl-isem ‘Charles Mangion’ tħassar – forsi għax kien hemm min interċettah jew inkella irrapportah. Diversi nies fil-kamra tal-aħbarijiet ireċevew il-friend request tiegħu f’temp ta’ ftit minuti. Forsi kien se jgħidilna kollha li aħna rebbieħa.
Facebook għandu faċilità li permezz tagħha wieħed jista’ jirrapporta dawn l-inċidenti. Il-Pulizija għandha wkoll Cyber Crime Unit. Għal kuntatt ma’ dan il-unit, wieħed għandu jċempel fuq 2294 2231 jew juża l-indirizz elettroniku computer.crime@gov.mt