Kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Tony Armando Zahra u Josephine Grixti, li huma mixlija li f’Awwissu li għadda wettqu serqa vjolenti fil-Gżira.
Fil-Qorti tela’ jixhed l-allegat vittma ta’ din is-serqa, fejn stqarr li f’data li ma jiftakarx, huwa kien sejjer jiġbed il-flus minn ATM fil-Gżira u għadda minn Ġnien l-Kunsill tal-Ewropa għall-ħabta tal-ħdax ta’ filgħodu.
Huwa stqarr li meta kien miexi fil-ġnien lemaħ lill-imputata u din allegatament avviċinatu, ttantatu u qaltlu, “Ġej?”.
Hawn hu rrispondieha “Ma tarax”, u baqa miexi għall-ATM. Sostna li huwa ġibed madwar mitejn u ħamsin ewro u tefahom f’borża.
Qal kif ħass lil xi ħadd jiġbidlu l-flus minn idejh, u meta ħares lura kienet l-istess mara, u qaltlu li jekk ma jagħtihiex il-flus, raġel li kien warajha, se jagħtih xebgħa sal-mewt.
L-allegat vittma sostna li r-raġel, li identifika bħala Armando Zahra, tah daqqa f’wiċċu u tajjarlu n-nuċċali, iżda dan irnexxielu jiġbor in-nuċċali u beda jiġri.
Dan irnexxielu jiġri sa pompa tal-petrol fil-viċinanza, iżda l-imputat allegatament laħqu sal-pompa u reġa’ heddu.
Huma komplew jiġru sakemm l-allegat vittma daħal f’uffiċini, fejn għalaq il-bieb, u qal lill-imputat li l-Pulizija qegħdin fit-triq.
Il-każ se jkompli jinstema’ fl-għoxrin t’Ottubru quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud.