L-eks Deputat Nazzjonalista u l-Avukat tal-għaqda Repubblika Jason Azzopardi, b’mod surreali, qal li ħadd qatt ma semma li hemm mat-18,000 dokument tal-identità li ġew falsifikati.
Azzopardi, li issa qed jipprova jċekken l-imbarazzament personali u dak fuq il-Partit Nazzjonalista, bil-Kap b’kollox, wara li fil-Qorti kien ikkonfermat li hemm biss seba’ każi, qal dan f’kumment fuq il-midja soċjali.
Hu kien qed iwieġeb lil xi ħadd li qallu kif hemm ħafna nies qed jistaqsu minn fejn ġabha tat-18,000. Dan meta f’xhieda ġuramentata u investigazzjonijiet tal-Pulizija nstabu biss seba’ dokumenti foloz u dwarhom żewġ persuni qed jiffaċċjaw il-ġustizzja.
Anke jekk issa jipprova jgħatti x-xemx bl-għarbiel, Azzopardi jinqabad mill-midja soċjali personali tiegħu fejn kien ħareġ proprju b’din l-invenzjoni u baqa’ jirrepetiha anke f’intervisti li ta. Dan sakemm wassal biex anke l-Kap Nazzjonalista jiblagħha u jużaha anke f’attività tal-massa tal-Partit fil-bidu ta’ dan ix-xahar.
Fil-fatt, f’Lulju tas-sena l-oħra, l-avukat tal-establishment Nazzjonalista kien diġà tkellem dwar skandlu li fih hemm involuti 18,000 ID Card.
F’kitba oħra, Azzopardi mill-ġdid reġa’ semma l-ammont ta’ 18,000 dokument tal-identità. Kien ukoll involva isem is-Segretarju tal-Kabinett, Ryan Spagnol, li fil-konfront tiegħu kien spiċċa wkoll jammetti li kien gideb u kellu jirtira kollox.
Iżjed riċenti, l-avukat tal-għaqda Repubblika kompla jenfasizza l-invenzjoni tiegħu mal-Lovin’ Malta.
“L-implikazzjonijiet huma kbar ħafna … imma hawn qed nitkellmu fuq eluf ta’ nies, eluf kbar ta’ nies li rċevew u ngħataw minn Identity Malta …”.
Jason Azzopardi, Avukat Repubblika
Aqra aktar: