Tribunal Ingliż għandu jiddeċiedi jekk il-veganiżmu huwiex twemmin filosofiku bħal xi reliġjon.
Dan ġej wara li raġel li jiekol biss ħaxix u affarijiet oħra mhux marbuta mal-annimali ġie mkeċċi mix-xogħol li kellu mal-Lega kontra l-Krudiltà fl-Isport.
Il-każ idur dwar kwistjoni fejn Jordi Casamitjana allegatament kixef lill-għaqda li kien jaħdem magħha li skont hu kienet qed tinvesti fondi tal-pensjonijiet f’kumpaniji involuti f’testijiet fuq l-annimali. Min-naħa tagħha, l-għaqda qalet li t-tkeċċija ta’ Casamitjana saret minħabba kondotta ħażina.
Casamitjana qed isostni li hu ġie mkeċċi minħabba li huwa vegan. Huwa persuna favur ħafna d-drittijiet tal-annimali u fost l-oħrajn jippreferi jimxi flok jaqbad tal-linja biex jevita li l-vettura li jkun fiha ttajjar xi insetti jew għasafar li jkunu għaddejjin.
Casamitjana ħadem mal-għaqda favur il-ħarsien tal-annimali u sostna li għarraf lis-superjuri tiegħu bl-allegat investimenti, huma ma għamlu xejn u fil-pront tefgħuh ‘il barra.