Matul il-jum tas-Sibt kompla jixhed fil-ġuri dwar żewġ omiċidji, Vince Muscat, magħruf bħala l-“Koħħu”, b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia tmin snin ilu.
L-akkużati huma l-aħwa Adrian u Robert Agius, magħrufin bħala “tal-Maksar”, Jamie Vella u George Degiorgio “ċ-Ċiniż”.
Waqt it-tkomplija tal-ġuri, li wkoll jinvolvi l-qtil tal-Avukat Carmel Chircop fl-2015, il-“Koħħu” qal li, f’Mejju tal-2017, ftit snin wara li ġie abbandunat l-ewwel pjan fl-2014, hu ltaqa’ fil-Marsa mal-aħwa Alfred u George Degiorgio. Hawn ġie mgħarraf li Melvin Theuma riedhom joqtlu lil Daphne Caruana Galizia, iżda l-ewwel kellhom iħallu l-elezzjoni tgħaddi.
Ingħad kif oriġinarjament il-pjan kien li jisparaw lil Caruana Galizia, iżda George Degiorgio qal li jippreferi juża bomba. Meta eventwalment iddeċiedew li jwettqu l-qtil b’bomba, Jamie Vella u Robert Agius ġabu tliet bombi minn Sqallija biex jagħżlu waħda minnhom.
Muscat u George Degiorgio kienu marru jsegwu lil Caruana Galizia waqt n-Notte Bianca tal-2017 biex ipoġġu l-bomba fil-karozza dakinhar u hawnhekk fejn Degiorgio għamilhielu ċara li tkun ma’ min tkun fil-karozza, l-aqwa li jeħilsu minnha. Il-karozza spiċċaw ma sabuhiex u allura il-pjan sfaxxa, kompla jixhed il-“Koħħu”.
Ġurnata qabel id-delitt, il-bomba tniżżlet minn garaxx f’Santa Venera għal garaxx fin-Naxxar. Dak il-lejl, l-aħwa Degiorgio u Muscat iddeċidew li, jekk il-karozza ta’ Caruana Galizia tibqa’ barra d-dar tagħha, kienu se jpoġġu l-bomba hemmhekk. Spjega li l-karozza tagħha rari kienet tkun ipparkjata barra u, għalhekk, dik kienet opportunità rari.
Ix-xhud spjega li, tard bil-lejl, Alfred Degiorgio poġġa l-bomba u l-flixkun tal-petrol taħt is-seat tas-sewwieq tax-xufier, filwaqt li Muscat qagħad għassa. Wara dan il-proċess li ħa biss ftit minuti, huma marru f’post qrib fejn komplew jgħassu lil Caruana Galizia fid-dar tagħha.
George Degiorgio telaq minn magħhom peress li l-pjan kien li joħroġ bid-dgħajsa fuq il-baħar biex jibgħat il-messaġġ fuq il-mowbajl mal-bomba biex jisplodiha meta jinformawh minn fuq il-post.
Wara l-isplużjoni, Alfred beda jarmi xi affarijiet, imma l-“Koħħu” nesa x’kienu. Hu stqarr li mar f’ħanut, iżda ma felaħx jiekol u stqarr li sema’ fuq ir-radju u t-televixin dwar l-isplużjoni.
Jiem wara l-qtil, Alfred Degiorgio qal lil Melvin Theuma biex ma jerġax imur ħdejn it-Tinda tal-Patata fil-Marsa, hekk kif iddiskutew kif se jieħdu l-bqija tal-flus, €120,000. Xi jiem wara, Muscat saq lil Alfred Degiorgio lejn Marsaskala biex jieħu l-flus, li ngħataw lilhom f’envelopp kannella li kien fih karti tal-€50 u €20.
Għadda ż-żmien u, darba minnhom, Alfred Degiorgio qal lill-“Koħħu” li, fl-4 ta’ Diċembru, kien se jsir rejd. Il-“Koħħu”, iżda, qal li ma kienx jaf minn fejn ġiet din l-informazzjoni u bdew inaddfu l-post biex ineħħu kull traċċa.
Qal li, dakinhar tar-rejd, huma niżlu minn jeddhom fit-Tinda tal-Patata u ftit wara t-8:00 ta’ filgħodu l-Pulizija arrestawhom.
Ix-xhud xehed li, ġurnata qabel ir-rejd, wieħed mill-aħwa Degiorgio qallu biex jgħid li kien qed ikun rappreżentat mill-Avukat David Gatt u, allura, hekk qal lill-investigaturi.
Kompla li l-aħwa Degiorgio wegħduh €1 miljun u kienu jemmnu li se jinħelsu mill-ħabs bi pleġġ, wara li jxaħħmu xi mħallef b’€100,000.
F’seduta oħra twila, ix-xhud ewlieni qal li George u Alfred Degiorgio kellhom mowbajl waqt li kienu miżmumin f’Kordin biex setgħu jżommu kuntatt ma’ Theuma u wissew lil xulxin biex ikunu kawti. Muscat stqarr li wliedu, permezz ta’ qarib kienu jirċievu €150-€200 fil-ġimgħa, waqt id-detenzjoni tiegħu.
Iddeskriva wkoll kif Jamie Vella u Robert Agius allegatament offrew lill-kunjatu €1,500 fix-xahar biex hu jżomm fommu sieket.