L-Avukat Franco Debono sostna li ġab għajnejn wara widnejh wara li sema’ lill-Avukat tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Edward Debono jgħid li jekk jisma’ lil xi ħadd jallega xi ħaġa fuq xi ħadd ieħor f’każin, dan hu biżżejjed biex jitlob inkjesta maġisterjali.
Dr Debono kien qed jgħid dan hekk kif ipparteċipa f’diskussjoni waqt il-programm ‘Popolin’ fuq l-istazzjon nazzjonali u li proprju ttratta r-riforma mħabbra mill-Gvern fil-proċess tal-inkjesti maġisterjali.
“Jiena fil-ġranet li għaddew smajt lil xi ħadd jgħid, kollega tagħna, avukat … jiena ġibt għajnejja wara widnejja, li għandu jkun biżżejjed li jekk tisma’ xi ħaġa l-każin għandha tkun biżżejjed li inti tmur u titlob lil maġistrat biex tinfetaħ inkjesta.”
“Nirrispetta lil Edward Debono wkoll, però li tgħid li tisma’ lil xi ħadd il-każin, jiġifieri la taf dan minn fejn semagħha, la taf għandux provi, la taf x’sustanza fiha, għandha tkun biżżejjed biex tmur tiftaħ inkjesta, jien inġib għajnejja wara widnejja.”
L-Avukat Franco Debono
Debono kien qed jirreaġixxi għal din id-dikjarazzjoni minn Edward Debono ftit tal-jiem ilu …
“Jiena kont f’bar fir-Rabat, Għawdex, u smajt lil tizju qed jgħid li l-Ministru tqassam il-berths lil-Laburisti għall-esklużjoni tan-Nazzjonalisti jew ta’ kull min ipprova jitlob biex jieħu berth l-Imġarr jew ix-Xlendi u ta’ dan kellu jħallas. Dik illum jien ma nistax immur b’dik l-allegazzjoni quddiem il-maġistrat u nitolbu jinvestiga.”
Edward Debono
B’reazzjoni għal dan, Dr Franco Debono sostna li hu, b’hekk, li l-Gvern qed iressaq din ir-riforma.
“Proprju l-Gvern qed jagħmel dawn il-proposti biex xi ħadd li sema’ xi ħaġa l-każin ma jaqbadx u jmur jiftaħ inkjesta, tgħaddi lil persuna minn martirju, minn martirju, għax meta inti qed titlob investigazzjoni fuqha dawn mhux affarijiet sbieħ.”
L-Avukat Franco Debono
Sadanittant, f’intervent ieħor, Franco Debono rrimarka aspetti oħrajn li se tkun qed tindirizza din ir-riforma importanti, fosthom il-ħatra tal-esperti fl-inkjesti maġisterjali hekk kif iddeskriva s-sitwazzjoni attwali bħala “Babilonja”.
“Il-Gvern qed jindirizza dan is-suġġett li jiena 11, 12-il sena ilu, f’dik ir-riforma li semmejt, kont iddeskrivejtu bħala ‘Babilonja’. Jiġifieri l-mod kif jinħatru l-esperti kien u għadu inadequate.”
L-Avukat Franco Debono
Debono xejjen ukoll dubji li tqajmu partikolarment minn esponenti fil-Partit Nazzjonalista, dwar ir-rwol investigattiv tal-Pulizija fil-proċess propost mill-Gvern.
“Ħa nkun ċar, ħeqq jekk għandu d-difetti kollha l-Kummissarju attwali, li nsellimlu, naħseb qatt ma ddejjaq iressaq Pulizija. Jiġifieri kellna fl-aħħar snin ammont ta’ Pulizija li kienu qed jiżbaljaw u tressqu. Jiġifieri dak l-eżempju ma naħsibx li hu eżempju tajjeb.”
L-Avukat Franco Debono