Żagħżugħ li lbieraħ tressaq il-Qorti akkużat li xegħel flare waqt il-logħba Ħamrun – Belt qed issostni li ma kienx hu li għamel dan u li l-unika ħaġa li għamel kien li ċaqlaq din il-flare minn post għall-ieħor.
Jidher li jsaħħu d-difiża tiegħu hemm filmati li fl-aħħar sigħat rawhom l-eluf, li huma membri ta’ gruppi fuq il-midja soċjali f’paġni dwar il-futbol. Jesmark Farrugia mill-Marsa qed jargumenta wkoll li ntużat forza eċċessiva fil-konfront tiegħu.
Fil-Qorti, ż-żagħżugħ wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrieh, u ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet, fosthom garanzija personali t’għaxart’elef ewro, u li jkun id-dar bejn il-ħdax ta’ filgħaxija u l-ħamsa ta’ filgħodu.
Huwa ġie projbit milli jattendi kwalunkwe partita ta’ futbol oħra.
Intant dan l-inċident reġa’ qajjem diskussjoni ma’ taqta’ xejn dwar it-tip ta’ sapport fl-istadium nazzjonali, b’ħafna partitarji jargumentaw li huma azzjonijiet bħal dawn li qed joqtlu l-futbol Malti tant li mijiet kitbu favur Farrugia u qalu li tiftaħ il-Qorti l-Ħadd għal każ bħal dan m’huwa xejn għajr esaġerazzjoni.