Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, li kien mifni b’inċertezzi kbar dwar il-mina bejn Malta u Għawdex issa qed jgħid li l-Partit Nazzjonalista dejjem kien favuriha.
Dan għalkemm il-verità ma tistax tkun iżjed ’il bogħod minn dawn id-dikjarazzjonijiet.
Fost l-oħrajn Bernard Grech spiċċa qal li l-mina bejn Malta u Għawdex kienet xi ħaġa li l-Partit Nazzjonalista dejjem ried b’mod ċar.
Qal, “Il-permanent link kienet xi ħaġa li l-Partit Nazzjonalista dejjem kien deċiż dwaru, kienet xi ħaġa li ried b’mod ċar.”
Iżda l-Partit Nazzjonalista baqa’ qatt ma għamel il-pożizzjoni tiegħu ċara dwar dan il-proġett. Fil-fatt filmat li jmur lura għal Diċembru li għadda juri kif waqt programm fuq ONE id-Deputat Nazzjonalista Chris Said baqa’ ma kkommettiex ruħu dwar jekk il-Partit hux favur jew kontra l-mina.
Qal, “Il-Partit Nazzjonalista huwa favur il-kunċett tal-mina wara, wara li jsiru l-istudji kollha u jirriżulta li hija fattibbli. Kif nista’ ngħidlek illum li jien naf x’ser ikunu l-istudji.”
Filwaqt li l-proġett bħalissa jinsab fi stadju ta’ sejħa għall-offerti u diġà bdew jintlaqgħu l-offerti, Bernard Grech qal li l-Gvern għadu ma għamel xejn dwar dan il-proġett. Bħal donnu qisu tfixkel, l-Oppożizzjoni mal-Gvern, Grech spiċċa jagħti tan-naħa tiegħu lil ħaddieħor.
Qal, “Il-Gvern dam jaħsibha u dam anke jħawwad il-pjanijiet u jgħid li għandu pjan, jgħid li qed jikkonsulta u jgħid li għandu d-disinji lesti, l-istudji lesti.”
Imbagħad wara li kkritika lil Gvern, reġa’ beda jtenni li l-Partit Nazzjonalista għadu jrid li jsir referendum dwar il-mina bejn Malta u Għawdex.
Qal, “Irridu nassiguraw illi jkollna referendum illi anke l-Għawdxin ikunu jistgħu jiddeċiedu huma jekk tassew iriduhx jew le.”