Li l-Gvern iwettaq dak li wiegħed fil-manifest elettorali, huwa daħk fil-wiċċ.
Hekk sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech meta fuq l-istazzjon tiegħu l-Ħadd, ma ġerraħx dak li matul il-ġimgħa ħabbar il-Gvern, jiġifieri li l-Gvern implimenta tlieta u tmenin fil-mija tal-wegħdiet tal-manifest tiegħu.
Grech qal, “Issa jiġu, jibdew jgħidulna għamilna 75% jew għamilna 80% mill-programm elettorali. Jibdew joħorġu ħafna statistika, tipprova temminha, imma meta imbagħad tagħsar, meta imbagħad tara l-fatti tibda tirrealizza li huwa daħk fil-wiċċ.”
Din id-dikjarazzjoni ta’ Bernard Grech ġiet quddiem miżuri soċjali tal-Gvern f’pandemija u mhux, fosthom żieda fiċ-children’s allowance wara kwart ta’ seklu, u s-sitt żieda fil-pensjonijiet.
Dan apparti li l-ħaddiema ħadu l-ġranet leave li jaħbtu f’festa pubblika u li kienu ttieħdu minn Gvern Nazzjonalista.
Bernard Grech, li kien qed qed jitkellem f’Għawdex imbagħad qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem kien favur il-link permanenti bejn Malta u Għawdex.
Hu qal, “Imma fuq l-aċċessibiltà u imbagħad fuq il-kuntatt permanenti, Gvern Nazzjonalista kien dejjem favur li jkun hemm xi ħaġa.”
Iżda minkejja li l-Oppożizzjoni vvutat favur mozzjoni għat-twettiq tal-proġett tal-link permanenti, Bernard Grech saħaq li jrid referendum.
Fil-fatt permezz tad-deputat Għawdxi Chris Said, il-Partit Nazzjonalista kien baqa’ ma kkommettiex ruħu dwar jekk il-partit hux favur jew kontra l-mina.
Said kien qal, “Il-Partit Nazzjonalista huwa favur il-kunċett tal-mina, wara li jsiru l-istudji kollha u jirriżulta li huwa fattibli kif nista ngħidlek illum kif se jkunu l-istudji.”
Intant dwar dwar l-użu responsabbli tal-kannabis, li l-Partit Nazzjonalista ma ta l-ebda opinjoni waqt il-perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika, Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista qed jiddiskuti mingħajr ma semma l-pożizzjoni tiegħu.