Lil hinn mill-arti sagra li l-artist Jennings Falzon huwa normalment magħruf għaliha, l-esebizzjoni l-ġdida tiegħu, ‘Elementi’, titratta ħolma u battalja bejn it-tajjeb u l-ħazin.
Quddiem din l-esebizzjoni, Falzon spjegalna l-uzu tas-seba’ elementi prinċipali fl-arti fosthom, Il-linja, il-forma, il-kulur kif ukoll il-valur.
Qal, “L-idea ta’ elementi hija ġejja għaliex fl-arti hemm seba’ elementi li għandek tuża. Ovjament jien naħdem ħafna xogħol 3D u allura ninkludi ftit minn dawn l-elementi imma bażikament dik hija l-idea ta’ din l-esebizzjoni li ngħaqqad dawk is-seba’ elementi biex ħloqt din l-esebizzjoni”
Stqarr li meta kien qed jaħdem fuq dawn ix-xogħlijiet żamm f’moħħu l-kunċett tal-bilanċ fil-ħajja.
Spjega, “Ħafna mix-xogħlijiet huma ħolma li inti l-bniedem ma tafx fejn ħa jwassal, kemm ħa jgħix u allura dejjem qisek timmaġina x’se jiġri iżjed -il quddiem u allura nħobb nilgħab b’dik l-idea ta’ bilanċ li ħa taqa’ u ma taqax il-ħajja jekk qed tgħid ħajja tajba jew ħajja ħażina u allura nilgħab ħafna b’dan is-simboliżmu biex inkun nista noħloq dan ix-xogħol”.
Fi kliemu, kienet biċċa xogħol letterarja li xprunat dan il-ħsieb.
Qal, “Id-dinja kollha hekk battalja bejn it-tajjeb u l-ħażin u min se jiddomina l-iżjed jekk hux il-ħażin jew it-tajjeb u allura jien rrid nisfida lili nnifsi min hu t-tajjeb u min hu l-ħażin? Jista jkun li l-ħażin ikun it-tajjeb u t-tajjeb il-ħażin u allura nħobb ngħaqqad dawn iż-żewġ punti b’hekk ‘La Divina Commedia’ ta’ Dante togħġobni ħafna nħobb nieħu dawk l-ispunti kif ukoll xi kwotazzjonijiet mill-poeżija u ndaħħalhom fix-xogħol tal-arti tiegħi.”
L-esebizzjoni se tintwera f’Casino Notabile fir-Rabat sat-tmintax ta’ Lulju.