L-ex president tal-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, Mark Anthony Sammut sab ix-xoqqa f’moxtha biex quddiem l-attivisti tal-‘Occupy Justice’ u ta’ ‘Repubblika’ jattakka lill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
Sammut li fis-sajf li għadda rriżenja mill-Partit Nazzjonalista wara li ressaq mozzjoni ta’ sfiduċja f’Delia, f’botta diretta lejn il-Kap Nazzjonalista qal li meta ma taqbilx mal-mexxej tal-grupp tiegħek trid tieħu deċiżjoni iebsa.
Huwa qal: “Jien naf tajjeb sew illi hu diffiċli u skomdu ħafna meta biex taqdi dmirek u timxi mal-kuxjenza ikollok tieħu stand iebsa anke mal-kollegi fil-grupp tiegħek stess.”
Minkejja li fix-xhur li għaddew Manwel Delia, l-ex chief of staff tal-ex Ministru Austin Gatt u l-għaqda Repubblika mexxi kawżi fil-qorti kontra l-ħatra tal-Maġistrati l-ġodda, fil-protesta tas-Sibt, Delia sejjaħ wieħed minn dawn il-maġistrati bħala kuraġġuż. Delia stqarr: “Taħt idejn maġistrat kuraġġuż.”
Madankollu, fl-istess nifs Delia ħadha qatta’ bla ħabel kontra l-Qorti u sejħilhom farsa: “Daqshekk saru farsa l-Qrati.”
Fil-protesta spikkat ukoll l-arroganza tal-kelliema fil-konfront tal-elettorat Malti u Għawdxi li fi proċess demokratiku darba wara l-oħra għamel l-għażla tiegħu. Jacques Renè Zammit stqarr: “ In-nies għadhom f’qagħda llupjata ta’ aċċettazzjoni. għadha ma nqalbitx il-folja.”
Spikkaw ukoll il-kontradizzjonijiet. Filwaqt li bosta kelliema saħqu dwar l-importanza li jiġi mħares l-ambjent, il-kelliema, Vicky Ann Cremona qalet li l-powerstation il-ġdida tal-gass li waqqfet l-użu tal-heavy fuel oil, l-aktar żejt li jniġġes, skontha ma kellniex bżonnha: “Tal-powerstation il-ġdida li malta ma kellhiex bżonn.”
Dwar l-inkjesta ‘Egrant’ li l-konklużjonijiet tagħha kienu aċċettati minn kulħadd, inkluż mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li kien sejjaħ għas-sospensjoni ta’ Simon Busuttil mill-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, Manuel Delia qal li Simon Busuttil kellu raġun.