Fi stqarrija l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal qal li l-liġi Ewropea u dik Internazzjonali huma ċari dwar migranti li jkunu ħarbu minn sitwazzjonijiet ta’ diffikultà f’pajjiżhom. Fi stqarrija qal li dawn għandhom jingħataw protezzjoni kif hi xierqa mingħand il-pajjiż li qed jirċivihom. Dan ifisser li jkollhom dritt jgħixu u jaħdmu fil-pajjiż li qed jirċivihom b’mod regolari.
Id-dritt tal-“Protezzjoni Temporanja Umanitarja” li ngħatat mill-awtoritajiet Maltin lill-migranti kien pass ‘l quddiem; ċioe dawk li ma jikwalifikawx għal protezzjoni internazzjonali ma jintbgħatux lura fi żmien qasir mid-dħul irregolari f’Malta.
Iżda l-Uffiċċju qal li din it-tip ta’ protezzjoni għandha diversi punti dgħajfa, minħabba li huwa stat temporanju. Dan ifisser li migranti qatt ma jkunu jistgħu jimxu għal stat aktar definit anke jekk ikunu ilhom jgħixu, jaħdmu u jrabbu t-tfal f’Malta.
Il-Kummissarju għat-Tfal qal li d-deċiżjoni li tħabbret riċentament mill-Gvern biex ma jġġeddidx il-protezzjoni temporanja umanitarja lill-migranti li kienu qed jgħixu f’Malta għal żmien twil juri n-nuqqasijiet li għandha fil-politika.
L-Uffiċċju qal li mhux talli l-migranti li issa jinsabu parti mis-soċjetà Maltija għandu jkollhom il-protezzjoni temporanja mġedded iżda għandhom jingħataw stat aktar permanenti u definit.
L-istqarrija tgħid li l-fatt li numru ta’ migranti welldu u saħansitra rabbew lit-tfal tagħhom f’Malta hi turija ċara li Malta hi d-dar tagħhom. L-Uffiċċju qal li hu fl-aqwa interess tat-tfal migrant li l-istat tal-familja kollha jiġi regolizzat, hekk kif dan se jkun qed jiżgura id-drittijiet fundamentali tat-tfal għal ħajja normali mal-familja.
It-triq li għandna nieħdu għandha tinkludi ċittadinanza bħala dritt għal dawn il-familji, jemmen il-Kummissarju.