Adrian Zammit, ta’ 22 sena, minn San Gwann, deher fil-Qorti quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke, mressaq fuq l-akkużi ta’ pussess ta’ kokajina u pussess aggravat ta’ kannabis wara li nstab fil-pussess ta’ 250 gramma tad-droga, lesta għat-traffikar.
Ir-raġel, arrestat mid-Drugs Squad f’San Ġiljan il-Ħadd ‘l għadda wara operazzjoni ta’ sorveljanza mill-Pulizija, qal lill-Qorti li qed jgħix f’garaxx.
Fi stqarrija l-Pulizija kienu qalu li fost l-affarijiet fil-pussess tiegħu nstabu miżien elettroniku, numru ta’ boroz tal-plastik kif ukoll €600 flus kontanti.
L-Ispettur Micallef ressaq lil Zammit, b’pussess aggravat tal-kannabis u pussess tal-kokajina kif ukoll sewqan ta’ vettura mingħajr assigurazzjoni u liċenzja, sewqan bi pjanċi falsifikati kif ukoll twettiq ta’ offiża fil-perjodu ta’ sentenza sospiża.
L-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u talab il-ħelsien mill-arrest.
L-Ispettur m’oġġezzjonax għall-ħelsien mill-arrest iżda wera t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-imputat, b’ammissjoni tiegħu stess, qed joqgħod f’garaxx. Fil-fatt anke l-akkużi jniżlu l-garaxx ta’ San Ġiljan bħala r-residenza tiegħu.
Il-Qorti laqgħet it-talba, fuq depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €10,000, filwaqt li ordnat l-atti sabiex jiġu nvijati lill-Maġistrat skont il-liġi.