Illejla għalaq iż-żmien li fih il-Kummissjoni Elettorali kienet qed tirċievi n-nomini tal-kandidati għall-elezzjoni ġenerali tas-Sibt 26 ta’ Marzu.
Il-perjodu li fih il-kandidati setgħu jitfgħu n-nomina tagħhom beda erbat ijem ilu u għalaq illejla fis-sebgħa ta’ filgħaxija.
Issa jibda proċess ieħor għall-Kummissjoni Elettorali li tivverifika s-sottomissjonijiet li rċeviet skont il-kriterji meħtieġa.
Wara, il-pass li jmiss ikun l-istampar tal-poloz tal-voti li fuqu l-elettorat irid jimmarka l-preferenza elettorali tiegħu.
Intant, il-Kummissjoni Elettorali avżat ukoll li dawk il-votanti li ntilfilhom, tqattgħalhom jew ġratilhom ħsara sostanzjali fid-dokument għall-votazzjoni wara li rċevewh, u dawk li għalkemm isimhom jidher fir-Reġistru Elettorali u ma rċevewx id-dokument għall-votazzjoni minħabba xi raġuni speċjali, inkluż dik li l-Kummissjoni ma kellhiex ir-ritratt tagħhom, jistgħu jidhru personalment quddiem wieħed mill-Kummissjonarji Elettorali sabiex japplikaw għal dokument għall-votazzjoni speċjali.
Il-votant għandu jmur fl-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali fil-Kumpless tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar u jrid jippreżenta l-Karta tal-Identità.
Il-ġranet u l-ħinijiet se jkunu mit-Tnejn sal-Ħadd mit-8 a.m. sas-2 p.m., u mit-3 p.m. sat-8 pm filwaqt li l-Erbgħa, 23 ta’ Marzu, li se jkun l-aħħar jum, il-ħinijiet se jkunu mit-8 a.m. sas-2 p.m, u mit-3 p.m. sat-8 pm.
Dawk il-votanti rreġistrati fit-13-il distrett elettorali jistgħu jattendu fl-Uffiċċju tal-Karta tal-Identità, ir-Rabat, Għawdex, fl-istess ġranet u ħinijiet.
Mingħajr id-dokument għall-votazzjoni, ħadd ma jkun jista’ jivvota.
Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett ċempel fuq in-numru tat-telefon f’Malta 21418622 u f’Għawdex 21556317.
Intant, it-tqassim tad-dokument tal-vot mill-Pulizija għadu għaddej u se jibqa’ sejjer sa nħar il-Ġimgħa li ġej bieb, bieb.