Komplew jimxu ’l quddiem il-proġetti ta’ housing affordabbli mmexxija mill-Gvern, hekk kif fl-aħħar jiem għalqu erba’ tenders għal xogħlijiet ta’ skavar fuq erba’ siti.
Ix-xogħlijiet rikjesti f’dawn it-tenders jinvolvu skavar u xogħlijiet oħra preliminari fis-siti li jinsabu fl-Imsida, Ħal Luqa, Bormla u l-Qrendi.
Fil-każ ta’ Bormla, ix-xogħlijiet jinkludu wkoll it-twaqqigħ ta’ bini eżistenti hekk kif f’dan is-sit, il-proġett ta’ housing affordabbli se jkun qed jieħu post binjiet abbandunati. Hu maħsub li dan il-proġett se jġib riġenerazzjoni ferm meħtieġa u mixtieqa mill-komunità lokali u residenti. Fil-fatt, dan il-proġett jinkludi wkoll l-inklużjoni ta’ faċilitajiet ta’ childcare fost oħrajn.
Din il-gazzetta hi infurmata li fil-jiem li ġejjin se jkunu qed joħorġu mill-inqas żewġ tenders oħra ta’ xogħlijiet fuq siti ta’ akkomodazzjoni affordabbli ġodda.
Mitlub jikkummenta dwar dan il-progress, is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes iddeskriva l-ħruġ ta’ dawn it-tenders bħala pass ieħor ’il quddiem f’dawn il-proġetti li ilhom ferm mistennija wara li l-amministrazzjonijiet Nazzjonalisti ta’ Eddie Fenech Adami u Lawrence Gonzi kienu qabdu u waqfu milli jkomplu jinvestu fi proġetti bħal dawn.
“Huwa pass ’il quddiem għaliex wara li titlesta l-evalwazzjoni u l-aġġudikazzjoni tat-tenders, ikun jista’ jibda x-xogħol anke fl-Imsida, f’Ħal Luqa, f’Bormla u fil-Qrendi wara xi proċeduri li kellhom jiġu segwiti. Dan il-progress f’dawn l-erba’ lokalitajiet isegwi r-ritmu mgħaġġel ta’ xogħol li diġà għaddej fuq siti oħra,” spjega Roderick Galdes.
B’kollox, il-Gvern se jkun qed jibni 680 appartament ta’ housing affordabbli f’16-il sit, mifrux f’10 lokalitajiet. Minn dawn, kważi nofshom diġà tlestew minn xogħol preparatorju ta’ tħaffir u skavar (fosthom żewġ siti f’Ħal Kirkop u sit fil-Qrendi) jew għaddejjin ix-xogħlijiet bħalissa (fosthom sit Birkirkara, sit is-Siġġiewi, sit iż-Żurrieq u sit ieħor il-Qrendi).