Il-President Amerikan Donald Trump qed jaffaċċja akkużi li huwa razzist wara kummenti fuq Twitter li kellhom il-ħsieb li jattakkaw nisa fil-Kungress Amerikan li jagħmlu parti mill-Partit Demokratiku.
F’botta ċara fost l-oħrajn lejn Alexandria Ocasio-Cortez, Trump qal li nisa bħalha ġejjin minn pajjiżi b’gvernijiet katastrofiċi, u ssuġġerixxa li dawn jirritornaw pajjiżhom, hekk kif, skont hu, l-Ispeaker Nancy Pelosi kapaċi toffrilhom vjaġġ lura lejn darhom mingħajr ħlas.
Il-kummenti ta’ Trump wasslu għal sensiela ta’ attakki fil-konfront tiegħu fuq il-midja soċjali, fosthom tfakkira li wħud min-nisa li hu attakka f’dawn il-kummenti, twieldu jew trabbew mili biss ‘il bogħod minn fejn trabba hu stess.