Ħafna drabi nassoċjaw l-istorbju u d-divertiment taż-żagħżagħ mal-ħinijiet ta’ filgħaxija u forsi l-ewwel ftit sigħat ta’ filgħodu, meta joħorġu bħal kreaturi tal-lejl u jgawdu ż-żgħożija tagħhom, sakemm jgħajjew. Jista’ jagħti l-każ li qed inħarsu lejha minn lenti li għandha bżonn taġġorna ruħha, iżda qajla nimmaġinaw li fil-5a.m. jkunu għadhom għaddejjin biha b’ċertu enerġija! Ġegħelna naħsbuha darbtejn kumment ta’ residenta minn San Ġiljan, li ġabret fi ftit kliem l-inkonvenjent li jħossu xi drabi residenti bħalha.
Permezz ta’ Facebook iddeskriviet l-atteġġjament ta’ żagħżugħ kmieni filgħodu u l-intervent tal-forzi tal-ordni. Dan minbarra episodji oħra li fi ftit kliem irrakuntat.
Dan akkumpanjatu minn ritratt ta’ dan iż-żagħżugħ li esprima ruħu b’mod stramb, u li sforz l-aptit tad-divertiment irnexxielu jirrita ftit nies mhux ħażin.