Ħaten id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami spiċċa jgħajjar lil dawk li għandhom fiduċja fil-Partit Laburista u l-Prim Ministru Robert Abela bħala bċieċen.
F’artiklu li kiteb fuq is-sit tal-midja tal-Knisja, newsbook, Kevin Cassar interpreta l-aħħar stħarriġ tal-Maltatoday, li fih il-Prim Ministru żamm fiduċja soda fost l-elettorat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech reġa’ naqqas mill-fiduċja.
Bit-titlu “Id-Destin tal-Bċieċen”, l-eks kandidat Nazzjonalista ta’ Simon Busuttil kiteb li l-Partit Laburista għandu jirringrazzja l-Alla għal dak li skont hu huwa livell baxx tal-edukazzjoni tal-Maltin.
Kiteb ukoll li l-Partit Laburista għandu xorti li l-pajjiż hu mimli bċieċen u lill-Partit li tul l-istorja tiegħu ħadem biex is-subien u anki l-bniet imorru l-iskola u jitgħallmu, qallu li dan jaqbillu li s-sitwazzjoni fl-edukazzjoni ma tkomplix tmur ’il quddiem.
Fl-artiklu li fih kompla jattakka lill-President ta’ Malta Dr George Vella u qal ukoll li l-Partit Laburista għandu jżarma, Kevin Cassar li jikteb kontra l-Partit Laburista, saħaq li imbagħad hemm min mar l-Università iżda mhux xi stilla u mhux kapaċi jaħseb ċar.
Lil dawn ukoll poġġihom fil-kategorija li jafdaw lill-Partit Laburista.
Kevin Cassar li mhux l-ewwel darba kiteb li l-Maltin jivvutaw ħażin, baqa’ qatt ma nġabar meta ħareġ fl-elezzjoni ġenerali.
Huwa fisser l-istħarriġ tal-Maltatoday bħala wieħed li juri rabta diretta u ċara bejn il-livell edukattiv u l-probabiltà li tivvota lill-Partit Laburista.
Skontu iżjed ma tkun edukat inqas huwa ċ-ċans li tivvota lill-Partit Laburista.
Fl-aħħar ġimgħat kien hemm interpretazzjonijiet differenti ta’ stħarriġ differenti li kollha wrew fiduċja b’saħħitha fil-Prim Ministru u l-Gvern, speċjalment dwar l-amministrar tal-pandemija u l-issalvagwardjar tal-impjiegi.
Waħda mill-aħħar interpretazzjonijiet uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista kienet din.
Id-Deputat Nazzjonalista Herman Schiavone kien qal, “Dan is-survey sar f’mument fejn il-poplu Malti kien moħħu fil-futbol. Is-survey beda fit-28 ta’ Ġunju, it-Tnejn mhux li għadda imma ta’ qabel sa nhar it-Tlieta u allura kellek il-EURO għaddej u l-politika naħseb ħadet it-tieni post f’dak li huwa l-prijoritajiet tan-nies.”