Fix-xahar ta’ April tal-elf disa mija ħamsa u sebgħin, il-Gvern Malti mmexxi mill-Perit Mintoff iffirma ftehim mal-Gvern Ingliż fil-qasam tas-saħħa biex pajjiżna jkun jista’ jibgħat pazjenti Malti għall-kura fl-Ingilterra.
Ħamsa u erbgħin sena wara, ONE News tkellem ma’ Anthony De Bono li kien is-Segretarju Privat tal-Ministru tas-Saħħa ta’ dak iż-żmien Dr. Albert Hyzler, li spjega kif sar dan il-ftehim, ftehim li għandu fis-seħħ.
De Bono stqarr, “Il-ftehim bejn il-Gvern Malti u l-Gvern Ingliż wara taħdidiet li għamilna wara numru ta’ ġimgħat iffirmajna dan l-agreement biex inkunu nistgħu nibgħatu nies li għandhom bżonn kura speċjali barra minn Malta jiġifieri l-Ingilterra u ma nħallsu xejn għalihom.”
Qal kif qabel dan il-ftehim importanti, il-Gvern Malti mill-elf disa mija disa u erbgħin kien iħallas għal kura speċjalizzata ta’ dawk li kienu jmorru barra minn Malta.
Minn dan is-servizz gawdew eluf ta’ pazjenti li bdew igawdu minn dan il-ftehim kien hemm dawk morda bil-kliewi u dawk b’mard tal-qalb.
Kompla jgħid, “Bdejna nibgħatu każijiet pereżempju minħabba li l-infrastruttura tal-isptar, dak iż-żmien St. Luke’s ma kinietx mill-iktar avvanzata, aħna ma stajniex nagħmlu ċertu operazzjonijiet, jekk ikollu id-dialysis tal-kidney machines ma kienx, lanqas kidney machines waħda, allura dawk kollha li kienu jbatu bil-mard tal-kliewi konna nibgħtuhom barra minn Malta għal dan is-servizz.”
Is-sur De Bono qal ma’ ONE News li taħt il-Ministru Hyzler bdew isiru diversi xogħlijiet ta’ rinovazzjoni fl-isptar Boffa sabiex jingħataw kura u jirċievu trattament ta’ raġġi. F’dan l-stess zmien fl-Isptar San Luqa nfetħu erba’ swali fejn isiru l-operazzjonijiet u beda jsir taħriġ sabiex l-istudenti Maltin jibdew jispeċjalizzaw fil-qasam mediku, fosthom fil-qasam tal-fizjoterapija.
Infetaħ ukoll l-ewwel Intensive Therapy Unit fejn kien meqjus bħala wieħed mill-aqwa fl-Ewropa, li kien mgħammar bl-aqwa teknoloġija ta’ dak iż-żmien. Din it-taqsima ħalliet riżultati pożittivi.
“Għamilna l-Intensive Therapy Unit illi għall-ewwel darba, dak li ġie inawgurat fl-1976, illi dan naqqas immedjatament l-imwiet minn 30% li kienu jmutu għall-16%.” Temm jgħid De Bono.
Din ir-rinovazzjoni saret sabiex pajjiżna jkollu l-aħjar kura tas-saħħa.