Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech għadu sieket u ma lissen l-ebda kelma dwar l-argument vjolenti li seħħ fil-każin Nazzjonalista tal-Ħamrun, waqt il-marċ ta’ San Gejtanu, xahar ilu.
Dan meta ma tħalliex jidħol fil-Każin tiegħu stess, u qarib tiegħu – Noel Mifsud Bonnici – spiċċa aggredit quddiemu talli ddefendih u sostna li l-Kap kellu d-dritt ikun hemm ġew.
Mifsud Bonnici ġie msawwat min-nies fil-każin qrib l-eks Viċi Kap Mario De Marco quddiem il-Kap stess. Flok għen lill-vittma, li jiġi s-sekondo-kuġin tiegħu, Bernard Grech dabbar rasu u mar in-naħa l-oħra tat-triq jippoża għar-ritratti u fil-Każin ta’ San Ġużepp, fejn tela’ fil-gallarija biex ixejjer lin-nies fil-marċ.
Dwar dan kollu, Bernard Grech baqa’ sieket għal xahar sħiħ, tant li dik il-ġimgħa lanqas biss tkellem fuq il-midja tal-Partit tiegħu – l-istess midja li wkoll ingħatat struzzjonijiet biex ma tirrapporta xejn, avolja ġie rrapportat fil-midja lokali kollha.
Minn dakinhar, Grech kull m’għamel tliet interventi bit-telefown qosra u dwar ma lissen xejn, waqt li t-Tnejn indirizza protesta għal ftit nies fil-Belt.
Meta f’konferenza tal-aħbarijiet ONE News staqsa dwar dan lid-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott, li hu qrib tal-Kap, qal li din hi biss spin tal-kamra tal-aħbarijiet tagħna.
Dan minkejja li mart u bint il-vittma kitbu fuq il-midja soċjali fejn ġabu ritratt ta’ Mifsud Bonnici rikoverat fl-Isptar Mater Dei, fejn kellha ssirlu operazzjoni maġġuri f’siequ l-leminija apparti ġrieħi oħrajn.
Il-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista kien ħareġ stqarrija xotta ta’ sentenza kollox, kważi ġimgħa wara, fejn qal li l-każin kien se jingħalaq temporanjament.
Il-gazzetta KullĦadd, iżda, kienet żvelat li l-każin kien diġà għalaq xi jiem qabel id-deċiżjoni, minħabba li l-barman Manwel Attard kien telaq ma’ familtu fuq vaganza overland, aktarx ippjanata minn sew qabel.
Sa din il-ġimgħa stess, il-Pulizija ressqet lil Andrew Attard ta’ 48 sena, li allegatament kien involut f’din il-ġlieda vjolenti. Ir-raġel, li jiġi ħu l-barman tal-każin u allegatament kien involut ma’ ħaddieħor li għadhom mhux identifikati, wieġeb li mhux ħati.
Hu nżamm arrestat sakemm fil-Qorti anke tinstema’ x-xhieda tal-vittma, fost oħrajn.