Hekk kif il-pandemija żiedet il-ħin li bosta qed jgħaddu d-dar, Leli Baldacchino intefa’ jaħdem fuq Presepju ġdid u niċċa li rama barra d-dar tiegħu għal żmien il-Milied.
Leli spjegalna kif f’daru fiż-Żejtun huwa intasab jibni l-presepju mill-ġablo. Stqarr li hekk kif nibtet l-idea xtaq li jagħmlu ftit differenti.
Qal kif, “L-idea li ġietni għidt, kulħadd jagħmel bl-għerien u affarijiet hekk, huma sbieħ dawn l-affarijiet imma jien xtaqt nagħmlu bħala presepju Malti.”
Leli minn dejjem kien dilettant, u jaħdem u jiskolpi bl-injam. Prodott ta’ din in-namra li għandu huwa mudell kbir ta’ knisja, li fin-navi tagħha hemm mudelli differenti ta’ qaddisin differenti minn knejjes ta’ rħula differenti f’pajjiżna.
Dan filwaqt li wara kull statwa hemm l-istampa tat-titular ta’ kull qaddis fuq mudell ta’ artal. Is-saqaf tal-knisja huwa mudell realistiku tas-saqaf tal-knisja taż-Żejtun.
Spjega, “Ix-xogħol biex bnejtha lilha għax l-ewwel fassaltha, u ġietni l-idea li nagħmilha bi tnax-il nava, qed tifhem? U bħala injam kollu ħdimtu jien.”
Huwa stqarr kif issa jħares il-quddiem biex wara l-pandemija jerġa’ jiftaħ il-bibien tal-garaxx tiegħu u jerġa’ jara lin-nies igawdu x-xogħol artistiku tiegħu.