It-Tnejn filgħaxija, fil-Parlament għadda mill-istadju tat-tieni qari l-abbozz ta’ liġi li permezz tiegħu issa l-Pulizija se jkunu jistgħu jitolbu għall-estensjoni tal-arrest fil-konfront ta’ persuni akkużati b’reati kriminali punibbli bi tnax-il sena priġunerija jew iżjed.
Dan sabiex tiġi pprovduta aktar ċertezza legali lill-awtoritajiet investigattivi, prinċiparjament il-Pulizija.
Fid-diskors tiegħu tul id-diskussjoni b’rabta ma’ dan l-abbozz ta’ liġi, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi, u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, spjega kif b’dan l-abozz issa l-pulizija se jkunu jistgħu jitolbu lill-Maġistrat Inkwerenti għal estensjoni bi 48 siegħa oħra, bid-deċiżjoni mill-istess Maġistrat trid tittieħed f’sitt sigħat. F’dawn is-6 sigħat is-suspettat għandu jibqa’ arrestat.
Il-Ministru Byron Camilleri rrimarka li b’dan l-abbozz ta’ liġi qed ikun assigurat il-bilanċ ġust għas-sigurtà tas-soċjetá, kif ukoll biex ikun hemm iżjed assigurazzjoni għall-garanziji tad-drittijiet tas-suspettat.
Il-Ministru Camilleri qal li, “Naħseb il-mistoqsija ta’ kollox anke meta niddiskutu dan l-abbozz hija din: dak il-bilanċ li hemm bżonn jintlaħaq bejn id-drittijiet tas-soċjetà u li tkun protetta s-soċjetà tagħna u d-drittijiet ta’ persuni li allegatament wettqu l-ħażin.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, spjega li se jkunu qed jiġu kristalizzati numru ta’ punti relatati mal-proċedura li trid tiġi segwita, inkluż li l-proċedura tkun waħda sommarja u li d-deċiżjoni tal-maġistrat ma tkunx soġġetta għal appell u tkun eżegwita minnufih.
Filwaqt li ċċara numru ta’ punti u anke indirizza kritika minn naħa tal-Oppożizzjoni, il-Ministru Jonathan Attard qal li l-elettorat għażel lil dan il-Gvern biex jibqa’ jiddeċiedi anke fuq materji sensittivi, u hekk se jibqa’ jagħmel.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Attard qal li, “Eżatt sena ilu l-poplu Malti u Għawdxi tana mandat b’saħħtu u hekk għandna nkomplu nagħmlu biex nassiguraw li nkomplu nieħdu d-deċiżjonijiet biex il-ġustizzja ssir, tidher li qed issir u ssir fi żmien raġjonevoli.”