Għadda mill-istadju tat-tieni qari l-Abbozz ta’ Liġi numru 47 li se jkun qiegħed jemenda l-Kodiċi tal-Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili sabiex kawżi kostituzzjonali minn residenti Għawdxin ikunu jistgħu jinstemgħu fil-Qorti t’Għawdex stess.
Din kienet wegħda fil-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’ tal-Partit Laburista, li tisħaq fuq l-importanza li l-Għawdxin ikollhom l-aqwa aċċessibilità għall-proċessi kollha tal-ġustizzja.
Il-prassi bħalissa hija li l-kawżi pprezentati fil-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili jinstemgħu dejjem Malta, irrispettivament minn jekk il-persuna tkunx toqgħod f’Għawdex jew le. B’hekk, l-Għawdxin ikollhom jaqsmu l-fliegu għas-smigħ tal-kawża wara li l-kawża tressqet fil-Qorti t’Għawdex.
Fil-Parlament, il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, innota kif dan l-abbozz ta’ liġi se jkun qiegħed inaqqas l-iskariġġ kemm lill-persuni involuti f’kawżi ta’ dan it-tip kif ukoll lill-professjonisti Għawdxin li wkoll kien ikollhom jinżlu Malta għas-smigħ.
“Dan huwa wieħed mill-punti kruċjali, illi dehrilna li lill-Għawdxin għandna nagħtuhom il-faċilità u l-lok li tali kawżi jinstemgħu fi gżirithom stess. Ta’ min, hawnhekk ukoll, jissottolinja li qed nitkellmu fuq kawżi li bix-xieraq jiġu indirizzati f’lok adegwat għall-persuna li qiegħda tressaq il-kawża hekk kif hawnhekk appuntu qiegħdin nitkellmu fuq materja fejn tidħol id-dritt fundamentali tal-individwu.”
Ministru Jonathan Attard
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Attard aċċenna wkoll għall-investiment infrastrutturali u anki fir-riżors uman li sar fil-Qorti t’Għawdex filwaqt li saħaq li dan il-Gvern jirrikonoxxi l-limitazzjonijiet tal-Qorti t’Għawdex iżda jinsab impenjat li jaġixxi dwar dan fil-ġejjieni.