Il-Kamra tad-Deputati approvat mill-istadju tat-Tielet Qari l-Abbozz ta’ Liġi li permezz tiegħu sustanzi psikoattivi ġodda se jkunu meqjusin bħala droga. Permezz ta’ din il-liġi, id-definizzjoni tal-kelma ‘droga’ se tkun qed titwessgħa biex b’hekk tkun tinkludi sustanzi psikoattivi ġodda li sa issa ma kinux suġġetti għal dak li tikkontempla l-liġi fir-rigward ta’ ‘droga’, partikolarment l-abbuż minnha.
L-Abbozz ta’ Liġi biex jemenda l-Ordinanza dwar il-Professjoni Medika u l-Professjonijiet li għandhom x’jaqsmu magħha, Kap. 31, u l-Ordinanza dwar Mediċini Perikolużi, Kap. 101, kien tressaq għall-Ewwel Qari, mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Sahha Chris Fearne fil-31 ta’ Ottubru li għadda. L-għan tiegħu huwa sabiex jemenda l-Ordinanza dwar il-Professjoni Medika u l-Professjonijiet li għandhom x’jaqsmu magħha u l-Ordinanza dwar il-Mediċini Perikolużi biex tiġi implimentata d-Direttiva (UE) 2017/2103 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2017.
Il-Kamra tad-Deputati kienet approvat l-Ewwel Qari ta’ dan l-Abbozz fis-Seduta tal-31 ta’ Ottubru 2018, biex fis-Seduta tal-14 ta’ Jannar li għadda bdiet tiddiskutih fl-istadju tat-Tieni Qari. Il-Kamra approvatu minn dan l-istadju fis-Seduta tas-16 ta’ Jannar li għadda, u fis-Seduta tad-19 ta’ Frar 2019, approvatu mill-istadju ta’ Kumitat.