Beda jinstema l-ġuri ta’ Herman McKay, Marsi ta’ 34 sena, wara li nqabad allegatament jitraffika iżjed minn nofs kilo eroina.
Il-każ imur lura għal Awissu tal-2007 meta minn informazzjoni li ġabret il-Pulizija, irnexxiela tiċċirkonda lil McKay fi Triq is-Serkin, il-Marsa fejn flimkien ma grupp żgħażagħ oħra, kien qed imexxi d-droga qrib il-karozza tiegħu.
Fil-Qorti ġie stabbilit li hekk kif avviċinawhom il-Pulizija, McKay prova jeħles miċ-ċwievet tal-karozza iżda dan ġie mwaqqaf mill-Pulizija. Kif ra hekk, l-istess McKay, ġera għall ġol-karozza minn fejn ħareġ pakkett u xerred il-kontenut tiegħu kollhu mal-art.
Waqt l-investigazzjonijiet, is-sustanzi li waddab fit-triq McKay, ġew eżaminati f’laboratorju fejn ġie kkonfermat li kien hemm iżjed minn nofs kilo ta’ eroina.
Fil-qorti ġie nnotat li matul is-snin McKay ġie akkużat b’diversi reati u kien riċediv iżjed minn darba.
Il-Ġudikatura mmexxija mill-imħallef Antonio Mizzi fakkret li każijiet ta’ traffikar ta’ eroina jġibu magħom piż li jwassal sa’ massimu ta’ għomor ħabs.