Ħadd ma jimmaġina li ta’ 24 sena tkun missejt il-mewt b’idejk minħabba raġunijiet ta’ saħħa. Din hija r-realtà ta’ Samantha Pace Gasan, li minn Marzu li għadda sa issa, inbidlet għal kollox.
Is-segwaċi tagħna ltaqgħu mat-tfajla qalbiena dalgħodu fuq ONE Breakfast, fejn spjegat kif dik li suppost kienet ġurnata xogħol normali spiċċat biex setgħet kienet l-aħħar ġurnata tagħha.
Pace Gasan spjegat kif fil-31 ta’ Marzu li għadda ħasset uġiegħ kbir f’sidirha malli daħlet ix-xogħol. Malli daħlet l-Emerġenza, it-tobba ħasbu li dan ma kien xejn għajr attakk ta’ paniku.
Testijiet oħra indikaw realtà ferm iktar tal-biża’. Irriżulta li Pace Gasan kellha kundizzjoni f’qalbha magħrufa bħala ruptured aorta, u minn hemm, kellha tieħu deċiżjoni importanti.
“Qaluli li kelli deċiżjoni importanti x’nieħu, jew li nagħmel operazzjoni malajr, inkella ċ-ċans li ngħix ma kien xejn. Kien baqa biss ftit sigħat”, stqarret it-tfajla.
L-operazzjoni kienet deċiżiva għal ħajjitha, għax setgħet tmur, iżda Samantha mal-ewwel iddeċidiet li tagħmilha.
“Għadni għaddejja b’testijiet sa issa, stajt ma noħroġx minnha l-operazzjoni, imma ħriġt minnha qisni mhux jien”.
Stqarret ukoll li din l-esperjenza imlietha b’iktar determinazzjoni biex tħares lejn il-ħajja bl-akar mod pożittiv, u ħeġġgħet lil dawk kollha li jgħaddu minn żmien diffiċli biex ma jaqtgħux qalbhom.
Segwi l-intervista ma’ Samantha Pace Gasan hawn: