Arċisqof Awstraljan ġie kkundanat sentenza ta’ 12-il xahar detenzjoni wara li nstab ħati li ħeba abbuż sesswali fuq tfal fis-snin sebgħin.
Philip Wilson, l-Arċisqof ta’ Adelaide, huwa sa issa l-iżjed uffiċjal għoli fil-Knisja Kattolika li nstab ħati għal dan it-tip ta’ reat.
Huwa kien instab ħati x-xahar l-ieħor li naqas milli jirraporta lil Pulizija l-abbuż sesswali li kien wettaq il-qassis pedofelu James Patrick Fletcher fuq diversi abbatini. Fletcher kien instab ħati fl-2004 u miet fil-ħabs sentejn wara.
Fil-Qorti l-Maġistrat Robert Stone qal li Wilson ma wera l-ebda rimors, u li Wilson naqas milli jirraporta l-abbuż biex jipproteġi r-reputazzjoni tal-Knisja.
Fil-jum tat-Tlieta l-Qorti ordnat li Wilson jiġi evalwat għal detenzjoni ġewwa daru minflok jiskonta s-sentenza fil-ħabs, u se jkun eleġibbli għal parole wara sitt xhur.
Minkejja l-każ kontrih u s-sentenza li ngħatatlu huwa ma rriżenjax minn Arċisqof iżda ċeda biss id-dmirijiet appena inqatat s-sentenza kontrih.