Ħu l-mibki Renald Falzon qal li l-inqas ħaġa li l-familja Falzon xtaqet tisma’ kien lill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech jippolitiċizza l-mewt tal-għażiż ħuh.
“Dan huwa inaċċettabbli u nikkundanna bis-sħiħ id-diskors li għamel. F’dan iż-żmien għandna bżonn is-sostenn u s-sapport u mhux dan in-nuqqas ta’ rispett minn Kap tal-Oppożizzjoni”, saħaq Marco Falzon.
L-għada li sar il-funeral tas-Sindku Qormi li kien maħbub u magħruf li jaħdem mingħajr ma jħares lejn uċuh, il-Kap tal-Oppożizzjoni f’attività politika fiż-Żurrieq, infexx jgħajjat u ppolitiċizza l-mewt ta’ Renald Falzon u mwiet oħra ta’ persuni mill-Covid-19.
Fuq il-profil tiegħu fuq facebook, Marco Falzon esprima l-weġgħat tiegħu u tal-familja mhux biss għall-mewt ta’ Renald li l-Qriema sellmulu kif jixraq iżda qasam ma’ kulħadd id-dieqa li l-Kap tal-Oppożizzjoni prova jiskorja punti politiċi bil-mewt ta’ xi ħadd.
Marco Falzon qal li dan huwa mument diffiċli ħafna għall-familja wara l-mewt ta’ missier ta’ tlett itfal. Saħaq li ma hemmx kliem biżżejjed biex jesprimu d-dieqa u l-ugigħ li għaddejjin minnu.
Anki qarib tal-familja, Henry Zaffarese kiteb fejn esprima d-dulur li għaddejja minnu l-familja. “Missek tistħi tinqeda b’mewta ta’ persuna li għadha kif ħallietna biex mingħalik tattakka l-Gvern”, saħaq Zaffarese. Qal li l-qraba jafu x’dulur ħassew oħtu u wliedha b’rabta mad-diskors li qal il-Ħadd filgħodu l-Kap tal-Oppożizzjoni.
“Ara vera ma tafx xi tgħid u ma tafx min kien verament Renald”, saħaq Zaffarese li fakkar kif Renald kien jgħin lil kulħadd, irrispettivament mill-kuluri politiċi.