Kif esklussivament tħabbar waqt il-program L-Argument il-Ħadd filgħaxija, Jesmond Zerafa aċċetta li jirritorna fil-klabb ta’ Valletta FC fl-rwol ta’ Direttur Tekniku.
Zerafa, li lagħab kif ukoll kien kowċ ta’ Valletta FC għal numru ta’ snin, aċċetta li jidħol għal dan l-rwol wara diskussjonijiet mat-tmexxija tat-tim mill-kapital bil-konferma uffiċjali tasal it-Tnejn wara nofsinhar.
Mill-informazzjoni li għanda din il-paġna, Zerafa se jkun qed jassumi dan l-rwol sal-aħħar tal-istaġun pero mhux eskluż illi eventwalment jibqa anke matul l-istaġun li ġej.
Ma’ Valletta FC Zerafa rebaħ bosta unuri kemm bħala plejer kif ukoll bħala kowċ. Apparti minhekk huwa għad għandu relazzjoni tajba ħafna mal-partitarji tal-stess tim tant li kienu lis-stess partitarji li xtaqu li huwa jirritorna fit-tmexxija teknika hekk kif is-sitwazzjoni preżenti mhix waħda feliċi.
Valletta FC bħalissa jinsabu fil-9 post tal-klassifika tal-Kampjonat Premier b’total ta’ 18 il-punt flimkien ma’ Gżira United, b’punt wieħed taħt Balzan FC u punt fuq Mosta FC. Filfatt fit-tmiem il-ġimgħa li ġejja Valletta FC għandhom konfront dirett meta se jilgħabu kontra Mosta FC.