Jesmond Saliba ġie maħtur bħala l-Kummissarju l-ġdid għall-Għaqdiet Volontarji. Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja u s-Segretarjat Parlamentari għall-Isports, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji.
Is-Sur Jesmond Saliba ħadem fis-settur pubbliku, f’dak privat u fil-qasam tal-volontarjat fejn tul il-karriera tiegħu kien fdat, fost l-oħrajn, bit-tfassil tal-politika ta’ diversi entitajiet u r-relazzjonijiet ma’ msieħba diversi fis-soċjetà. Għandu wkoll esperjenza estensiva fix-xandir.
Is-Sur Saliba ilu involut fis-settur tal-volontarjat għal bosta snin, minn dak mużikali u sportiv fil-lokalità tal-Fgura għal dak sportiv fuq livell nazzjonali, fosthom il-Malta Volleyball Association. Issa ilu għall-aħħar għaxar snin membru fil-Bord tad-Diretturi tad-Dar tal-Providenza u huwa wkoll membru ta’ Fondazzjoni Sebħ u Save a Life.