“Fil-ktieb – L-Arti tal-Gwerra – ta’ Sun Tzu, hemm deskrizzjoni li tgħid kif xi individwi jkunu lesti jagħmlu ħsara enormi, anke lil pajjiżhom stess, biex jiksbu u jżommu l-poter, anke jekk dan ifisser li jkollhom jirrenjaw fuq l-irmied.”
Saħaq dan il-kandidat Laburista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Jesmond Marshall meta semma kif f’dan il-pajjiż, għandna oppożizzjoni li l-unika skop tagħha huwa biss il-kilba għall-poter, fejn anke jaħsbu li għandhom dritt divin li jigvernaw.
Stqarr li biex jaħbu l-faqar politiku u finanzjarju li jinsabu fih u biex jilħqu l-għan tagħhom, l-unika proposta li għandhom il-Partit Nazzjonalista hija kif lesti jagħmlu ħsara lill-Maltin, kemm lil-Laburisti kif ukoll lin-Nazzjonalisti. Dan ikomplu juri kif dan huwa l-mod uniku, bħala pjan, kif se joħolqu l-ġid għall-ħaddiema u l-familji Maltin.
Marshall semma kif kulħadd jistenna oppożizzjoni serja, lesta li tigverna bi pjanijiet ċari u lesti, iżda minnflok, għandna oppożizzjoni li tgħid li l-pjanijiet joħorġuhom tliet snin oħra, lejliet l-elezzjoni. Kompla jgħid li l-Partit Nazzjonalista joffru biss dokumenti miktuba bi kliem bombastiku li meta tgħassarhom, ma ssib xejn konkret. Qal li għandna oppożizzjoni li twaħħal fil-poplu Malti li jinxtara u li ma tirrealizzax li meta l-poplu, għal aktar minn għaxar snin, jagħtiha telfiet rekord, huwa l-partit li jeħtieġ jinbidel u mhux il-poplu.
Marshall jistaqsi, “Fuq kollox, kif jistennew il-poplu li jafda lil xi ħadd li meta kien fil-poter ivvota bil-qalb biex il-kontijiet jibqgħu għoljin? Kif jista’ l-poplu jafda lil xi ħadd li jgħidlu li se jiftah gwerra qaddisa kontra Malta?”
Ikkonkluda billi qal li huwa għalhekk li fit-8 ta’ Ġunju, huwa mportanti li l-vot ikun lil min fil-9 ta’ Ġunju irid ikompli jigverna għall-ġid tal-poplu Malti, u mhux lil min qed jara dawn l-elezzjonijiet bħala s-salvazzjoni tiegħu.
“Irid jingħata l-vot lil min irid jagħti s-saħħa lill-Maltin, u mhux lil min irid jiftah gwerra qaddisa kontra l-Laburisti. L-għażla għandha tkun waħda ċara: vot lill-kandidati kollha tal-Partit Laburista.”